Tħabbru d-dettalji dwar il-festivals li se jkunu qed jittellgħu minn Festivals Malta bejn ix-xhur ta’ Mejju u Lulju ta’ din is-sena. Dawn jinkludu Ritmu Roots Festival, il-Malta International Arts Festival, il-Malta Jazz Festival u d-Dance Festival Malta.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal, “Matul is-sajf li ġej, permezz ta’ Festivals Malta, pajjiżna se jkun qed jospita erba’ festivals prestiġjużi li jsaħħu l-identità kulturali tagħna u joffru pjattaforma lill-artisti lokali u internazzjonali. Il-programm imħabbar illum mhux biss isaħħaħ l-istaġun tas-sajf b’attivitajiet ta’ livell għoli, iżda wkoll jattira eluf ta’ persuni lejn pajjiżna, b’benefiċċji diretti kemm fuq livell ekonomiku kif ukoll soċjali. Nifraħ lil Festivals Malta għall-viżjoni u l-impenn kontinwu tagħhom biex il-kultura tibqa’ ħajja u aċċessibbli għal kulħadd.”
Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta Aaron Zahra qal, “Ta’ kull sena, Festivals Malta qed tippreżenta kalendarju kulturali tal-ogħla livell, inkluż għall-istaġun tas-sajf. Dawn il-festivals mhux biss joffru spettaklu għall-udjenzi lokali fil-ġranet sajfin, iżda jkomplu jsaħħu lil pajjiżna bħala destinazzjoni kulturali għal diversi viżitaturi li jiġu apposta f’pajjiżna fix-xhur tas-sajf. Bħala Festivals Malta, kommessi li nibqgħu naħdmu u nipproduċu festivals li jistinkaw għall-eċċellenza artistika u nħarsu ’l quddiem biex flimkien nagħtu bidu għal dan il-kalendarju artistiku mill-aqwa bl-ewwel festival li jibda proprju f’dan ix-xahar – Ritmu Roots Festival.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta Frans Agius qal, “Il-festivals tas-sajf joffru opportunità lil Festivals Malta biex tippreżenta ġeneri artistiċi differenti permezz ta’ erba’ festivals distinti. B’hekk qed inkomplu nsaħħu l-għan tagħna li noffru varjetà ta’ avvenimenti kulturali biex nilħqu udjenzi differenti u biex nagħmlu l-kultura aktar aċċessibbli. Inħeġġeġ lill-udjenzi tagħna biex jattendu dawn l-avvenimenti bi ħġarhom u biex igawdu l-avvenimenti li għandna ppreparati għalihom”.
Ritmu Roots Festival se jiftaħ il-kalendarju sajfi ta’ Festivals Malta bit-tielet edizzjoni tiegħu li se ssir bejn il-21 u l-24 ta’ Mejju. Id-Direttur Artistiku ta’ Ritmu Roots Festival, Andrew Alamango, qal “Ritmu huwa pjattaforma għall-pubbliku fejn il-komunitajiet jinġabru mal-mużika u jipparteċipaw f’attivitajiet tradizzjonali mal-komunità.” Din is-sena, dan il-festival se jinkludi proġetti bħall-Kummittiva, l-Għana, il-logħba tal-boċċi, u artisti internazzjonali bħal Tarta Relena, Pliri Ntaxei u Vincent Moon.
Il-Malta International Arts Festival se jirritorna bejn it-13 sat-22 ta’ Ġunju b’għaxart ijiem ta’ avvenimenti multidixxiplinari li jinkludu żfin, mużika, teatru u wirjiet ta’ arti viżiva. Proġetti notevoli fil-programm ta’ din is-sena jinkludu kunċert mill-Malta Philharmonic Orchestra, Underground Valletta, M.A.D. – Music and Dance, Music Painted by Caravaggio u Boċċi the Musical b’kollaborazzjoni ma Teatru Malta. “Il-Malta International Arts Festival għandu programm innovattiv b’estetika kontemporanja f’diversi siti storiċi sabiex in-narrattiva tal-wirt kulturali issir parti integrali mill-esperjenza unika ta’ dan il-festival,” spjega d-Direttur Artistiku, Ruben Zahra.
Il-Malta Jazz Festival se jinkludi programm eklettiku ta’ avvenimenti b’line-up ċelebri li tinkludi artisti bħal Michael Mayo, Rebecca Martin, Peter Barnstein, Knower u ħafna aktar. Id-Direttur Artistiku Sandro Zerafa spjega, “B’programm li jvarja mill-istili mużikali ikoniċi ta’ Peter Bernstein, għall-enerġija splussiva tad-duo minn Los Angeles, Knower, sal-mużika folk ta’ Rebecca Martin, il-Malta Jazz Festival – issa fil-35 edizzjoni tiegħu – iżomm il-wegħda tiegħu li jgħaqqad flimkien l-eklettiku, l-integrità u l-eċċellenza.” Dan il-festival ser jittella’ bejn is-7 u t-12 ta’ Lulju.
Dance Festival Malta li se jsir bejn l-24 u s-27 ta’ Lulju, se jgħaqqad l-artisti lokali ma’ diversi artisti Ewropej billi joffrilhom pjattaforma fejn jistgħu jiddiskutu, jaqsmu u jtejbu x-xogħol artistiku tagħhom permezz ta’ masterclasses u workshops speċjalizzati. Apparti minn hekk, il-festival joffri erbat ijiem ta’ prestazzjonijiet ta’ żfin li jgħaddu messaġġi diversi permezz ta’ koreografiji mill-isbaħ. “Dance Festival Malta huwa festival li jgħaqqad kulturi, ġenerazzjonijiet u vuċijiet differenti – fejn is-saħħa tal-moviment u ż-żfin jiċċelebra d-differenzi, jqajjem djalogu u jgħaqqadna bħala komunità,” spjegat id-direttur artistiku, Francesca Tranter.
Għal aktar informazzjoni fuq il-festivals tas-sajf ta’ Festivals Malta, żur www.festivals.mt.