Thursday, June 5, 2025

Jitnieda proġett ambjentali ta’ €37 miljun minflok l-impjant ta’ Sant’Antnin f’Marsaskala

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Ambjent permezz ta’ WasteServ nieda uffiċjalment l-ewwel fażi ta’ proġett kbir b’ investiment ta’ €37 miljun li se jara 23,800 metru kwadru ta’ art trasformati fi proġett tat-tħaddir għal pubbliku.

“Dan il-proġett jirrifletti b’mod ċar il-viżjoni tal-Gvern għal pajjiż aktar sostenibbli. Kif diġa’ għamilna f’diversi lokalitajiet, qed noħolqu spazji ħodor miftuħa li permezz tagħhom ikollna ambjent aħjar u, aktar importanti minn hekk, nipprovdu spazji li l-pubbliku jista’ jgawdi. Din id-darba, se nkunu qed nittrasformaw faċilità tal-iskart f’park biex b’hekk nwettqu waħda oħra ewlenija tal-programm elettorali,” sostniet il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli.

Din l-inizjattiva qed issir fuq is-sit fejn bħalissa hemm il-faċilità tal-iskart ta’ Sant’ Antnin, fejn il-maġġoranza tal-operat twaqqaf f’Diċembru 2022. WasteServ issa żarmat l-apparat u ħejjiet is-sit għal dan l-proġett ġdid.

L-ewwel fażi ta’ dan il-proġett, b’investiment ta’ madwar €4 miljuni, se tkun qed tinkludi l-bini ta’ parkeġġ ta’ tliet sulari mgħammar b’ faċilitajiet ta’ park and ride, kif ukoll l-bini ta’ tlett ġibjuni tal-ilma għall-irrigazzjoni u biex iservi bħala ħażna tal-ilma tax-xita. Il-proġett jinvolvi wkoll it-tħaffir ta’ għadira artifiċjali ta’ 4,200 metru kwadru, ddisinjata biex ittejjeb il-bijodiversità u toħloq ambjent trankwill għall-viżitaturi. Din il-fażi hija mistennija li titlesta għall-bidu tas-sena d-dieħla.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ Richard Bilocca qal li minbarra dan l-investiment li qed jitħabbar illum, qed jiġu investiti wkoll 500 miljun ewro fil-Magħtab biex ir-residenti tal-inħawi ma jibqgħux ibatu l-effetti koroh li ilhom jiffaċċjaw għal snin sħaħ minħabba l-iskart li kien jintrema fil-miżbliet t’hemm.

Dan il-park se jkun imdawwar b’ħajt mal-konfini tal-park u jgħin sabiex jinħoloq pajsaġġ naturali, komplut b’siġar maturi u arbuxelli indiġeni. F’konformita mal-prinċipji ta’ sostenibbiltà ta’ WasteServ, 33% tal-materjal li se jiġi mħaffer se jerġa’ jintuża  fil-post.

Is-sejħa għall-offerti għat-tieni fażi tal-proġett, li jinvolvi investiment addizzjonali ta’ €33 miljun, huwa mistenni li jinħareġ fix-xhur li ġejjin. Din il-fażi se tinkludi xogħlijiet ta’ landscaping, tħawwil ta’ siġar maturi, x-xogħolijiet fuq għadira artifiċjali, u l-installazzjoni ta’ sistema ta’ filtrazzjoni tal-ilma.

Dan il-park se jkollu wkoll entratura li se toffri spazju għal użi differenti b’ canopy li jista’ jospita wirjiet, avvenimenti tal-kommunita, u attivitajiet edukattivi. Se jkun hemm ukoll ċentru ta’ tagħlim li se jipprovdi programmi interattivi għall-etajiet kollha, li jenfasizzaw temi ta’ sostenibbiltà ambjentali. Minn kmamar awdjoviżivi għall-żoni għall-logħob, l-ispazju huwa mfassal biex jispira l-kurżità u t-tagħlim. Il-park se jinkludi wkoll serra mgħammra b’sistema akkwaponika kif ukoll varjetà wiesgħa ta’ pjanti, li se joffru esperjenza edukattiva lill-viżitaturi. Huwa ppjanat ukoll food court bħala parti mill-faċilitajiet għall-viżitaturi.

Il-Gvern se jibqa jwassal aktar proġetti ambjentali li jagħmlu ġid lill-komunità u jkompli bi proġetti ambizzjużi ta’ tħaddir fil-gżejjer Maltin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport