Madwar 30 kumpanija Ingliża mistennija jieħdu sehem fi proġett pilota ta’ sitt xhur li tnieda llum dwar ġimgħa tax-xogħol ta’ erbat ijiem bla ma l-ħaddiema jsofru tnaqqis fil-paga tagħhom. Dan il-proġett tnieda mill-kampanja 4 Day Week Global bi sħubija mal-4 Day Week UK Campaign u riċerkaturi mill-Universitajiet ta’ Cambridge, Oxford u Boston.
Il-maniġer tal-proġett pilota, Joe O’Connor sostna li aktar u aktar negozji qed jersqu lejn strateġiji ffukati fuq il-produttivita biex ikunu jistgħu jnaqqsu s-sigħat tax-xogħol tal-ħaddiema mingħajr ma jnáqqsu l-paga.
Dan qanqal eċċitament u interess kbir f’dan il-proġett pilota u fil-ġimgħa xogħol ta’ erbat ijiem b’mod iktar wiesgħa.
Il-ġimgħa ta’ erbat ijiem tisfida l-mudell attwali ta’ xogħol u tgħin lill-kumpaniji jimxu ‘l bogħod milli sempliċiment ikejlu kemm in-nies ikunu fuq ix-xogħol biex jiffukaw fuq il-produttività.
Fir-Renju Unit, dan il-proġett pilota se jimxi flimkien ma’ provi oħra madwar l-Istati Uniti, l-Irlanda, il-Kanada, l-Awstralja u New Zealand.
Il-Gvern Spanjol, kif ukoll dak fl-Iskozja, diġà nedew provi tal-ġimgħa ta’ erbat ijiem tant li l-Ewwel Ministru Skoċċiża, Nicola Sturgeon wegħdet ‘bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata’ fil-manifest elettorali tagħha.
Il-kumpaniji involuti fil-programm, inkluża d-ditta tat-teknoloġija Canon, se jiġu offruti pakkett ta’ appoġġ li jinkludi workshops, mentoring, netwerking u aċċess għal riċerka akkademika ta’ klassi dinjija.
Ir-riċerkaturi se jaħdmu ma’ kull organizzazzjoni biex ikejlu l-impatt fuq il-produttività, il-benessri tal-ħaddiema, u l-impatt fuq l-ambjent u l-ugwaljanza bejn is-sessi.
Diversi studji wrew li l-passaġġ għal ġimgħa ta’ erbat ijiem isaħħaħ il-produttività u l-benessri tal-ħaddiema.
Sitt kumpaniji tar-Renju Unit s’issa ffirmaw għall-prova, b’ditti oħra li għadhom qed jikkunsidraw.
Brendan Burchell, professur fix-xjenzi soċjali fl-Università ta’ Cambridge, qal “Billi l-benefiċċji soċjali u ambjentali tal-ġimgħa tax-xogħol iqsar qed isiru aktar ċari, l-appoġġ mill-għeruq aktar mifrux, u t-teknoloġija disponibbli biex tinżamm il-produttività, wasal iż-żmien li aktar organizzazzjonijiet jagħmlu din il-qabża.
‘Din l-iskema għandha potenzjal tremend li tagħmel progress minn konversazzjonijiet dwar il-vantaġġi ġenerali ta’ ġimgħa ta’ xogħol iqsar għal diskussjonijiet iffukati dwar kif l-organizzazzjonijiet jistgħu jimplimentawha bl-aħjar mod possibbli.