Saturday, October 26, 2024

Jitnieda programm nazzjonali ta’ screening tal-oftalmoloġija għall-anzjani

Aqra wkoll

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-Isptar San Vinċenz De Paul, tnieda programm nazzjonali ta’ screening tal-oftalmoloġija għall-anzjani. Għal din il-konferenza attenda l-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat li l-glaucoma, id-dijabete fir-retina u l-katarretti huma l-aktar kawżi komuni li jwasslu għal problemi fil-vista tal-popolazzjoni Maltija. Dan filwaqt li r-riskju ta’ dawn il-problemi jiżdied aktar ma persuna tikber fl-età, b’riżultat li tonqos il-kwalità tal-ħajja tal-persuna affettwata.

Il-Ministru Jo Etienne Abela spjega li ċ-Ċentru tal-Kura Ġerjatrika f’San Vinċenz de Paul se jibda joffri servizz ta’ screening għal dawk il-persuni kollha li għandhom bejn 60 u 80 sena. Dan iċ-ċentru joffri aċċess faċli għall-membri tal-pubbliku li għandhom problemi ta’ mobilità. Huwa tenna li permezz ta’ dan l-iscreening ser jiżdied l-għarfien dwar l-importanza li jsiru testijiet regolari.

Il-ministru spjega wkoll li l-persuni li se jgawdu minn dan l-iscreening se jkunu qed jiġu ttestjati b’teknoloġiji apposta minn professjonisti mħarrġin. It-testijiet se jkunu qed jidentifikaw l-iktar tliet problemi komuni fil-vista tal-persuna li huma l-glaucoma, id-dijabete fir-retina u l-katarretti. Ir-riżultati jiġu eżaminati minn oftalmologu u l-pazjenti tintbagħtilhom ittra li tinfurmahom dwar ir-riżultat u jekk ikunx hemm bżonn ta’ testijiet ulterjuri.

L-anzjani eliġibbli se jkunu qed jiġu notifikati skont il-lokalità fejn jgħixu b’rabta ma’ dan il-proċess ta’ screening. Pazjenti Għawdxin se jkunu mistiedna jipparteċipaw ukoll f’Għawdex stess. Dawk eliġibbli ma jridux ikunu qed jiġu segwiti diġà fil-kliniċi tal-oftalmoloġija tal-Isptar Mater Dei, l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, jew fi kliniċi tal-oftalmoloġija oħrajn tal-gvern matul dawn l-aħħar 18-il xahar.

Sport