L-Awtorità tal-Istandards għall-Persuni Anzjani (OPSA) nediet programm komprensiv ta’ informazzjoni u taħriġ dwar is-saħħa orali, imfassal apposta għall-carers li jaħdmu fid-djar residenzjali għall-anzjani madwar Malta u Għawdex. Dan huwa l-ewwel programm tax-xorta tiegħu.
Din l-inizjattiva għandha l-għan ewlieni li ttejjeb l-għarfien u l-ħiliet tal-carers fil-promozzjoni u l-kura ta’ saħħa orali tajba fost ir-residenti anzjani, li ħafna drabi jkunu f’riskju akbar li jiżviluppaw kundizzjonijiet dentali.
Bħala parti minn dan il-programm, carers minn kull dar residenzjali tal-anzjani se jipparteċipaw f’sessjonijiet ta’ taħriġ strutturat fi grupp, flimkien ma’ taħriġ prattiku individwali. Dawn is-sessjonijiet jinkludu wkoll skrining tar-residenti fi ħdan kull dar, sabiex il-carers ikunu jistgħu japplikaw dak li jitgħallmu f’sitwazzjonijiet reali taħt gwida professjonali.
Barra minn hekk, il-parteċipanti se jkunu mgħammra b’għodod prattiċi u linji gwida ċari biex jgħinuhom jidentifikaw, jiddokumentaw u jirrappurtaw kwistjonijiet relatati mas-saħħa orali. Dan se jiffaċilita riferimenti f’waqthom lill-professjonisti dentali u servizzi xierqa, u b’hekk jikkontribwixxi għal riżultati aħjar tas-saħħa u kwalità ta’ ħajja mtejba għar-residenti anzjani.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea, sostna li “Grazzi għal din l-inizjattiva ser inkomplu ninvestu b’mod prattiku u tanġibbli fil-benesseri tal-anzjani b’mod olistiku, inkluż is-saħħa orali. Dan sabiex inkomplu niżguraw kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd, lil hinn minn kull konsiderazzjoni oħra.” Is-Segretarju Parlamentari semma wkoll li fil-futur qrib l-OPSA impenjata li tniedi u tmexxi inizjattivi oħra fil-qasam tat-taħriġ u l-għarfien.
Il-Kap Eżekuttiv tal-OPSA, George Fenech, qal li din l-inizjattiva tirrifletti b’mod ċar il-viżjoni u l-impenn kontinwu tal-Awtorità biex tkompli ttejjeb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani f’Malta u Għawdex, b’enfasi qawwija fuq il-prevenzjoni, l-edukazzjoni u l-capacity building fost il-carers li jaħdmu qrib l-anzjani kuljum.
Din l-inizjattiva tikkonferma l-impenn kontinwu lejn it-titjib tal-kwalità tal-kura offruta lill-persuni anzjani, filwaqt li tippromwovi approċċ preventiv u sostenibbli fis-servizzi residenzjali.

