Friday, January 23, 2026

Jitnieda r-Reġistru tal-Prezzijiet tal-Proprjetà fuq inizjattiva ta’ Property Malta

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Dr Jonathan Attard f’diskors matul it-tnedija u l-preżentazzjoni tar-Reġistru tal-Prezzijiet tal-Proprjetà (Property Price Registry) faħħar din l-inizjattiva meħuda mill-Fondazzjoni Propert Malta, li mistennija ssaħħaħ it-trasparenza u l-fiduċja fis-suq tal-proprjetà f’Malta u Għawdex.

Il-Ministru Attard beda biex jgħid li s-suq tal-proprjetà mhuwiex biss suq ekonomiku, iżda wkoll realtà soċjali li tolqot direttament il-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin, b’mod partikolari dawk li qed jidħlu fis-suq għall-ewwel darba.

Waqt li l-operaturi bħall-aġenti, il-banek, l-entitajiet u l-kumpaniji jistgħu jabbonaw għas-servizz, iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin, inkluż dawk li huma first-time buyers, li jkollhom bżonn informazzjoni mill-Property Price Register fuq proprjetà li jkunu qed ifittxu, se jkunu jistgħu jitolbu din l-informazzjoni mingħajr ħlas lill-Property Malta.

Dan ir-reġistru, żviluppat minn Property Malta fuq pjattaforma mibnija minn PwC Malta, jipprovdi parametri ta’ prezzijiet verifikati tal-proprjetajiet residenzjali u kuntrattwali, ibbażata fuq kuntratti rreġistrati sa mill-2018 u mhux valuri spekulattivi jew reklamati.  

Permezz ta’ għodod analitiċi avvanzati, mapep ġeospazjali u dashboards interattivi, din il-pjattaforma se tnaqqas b’mod sinifikanti l-iżbilanċ fl-informazzjoni u tippermetti deċiżjonijiet aktar infurmati minn banek, professjonisti, dawk li jfasslu l-politika u ċ-ċittadini.

Il-Ministru Attard qal ukoll li r-Reġistru tal-Prezzijiet tal-Proprjetà jikkumplimenta r-riformi strutturali li qed iwettaq il-Gvern fis-settur, fosthom it-twaqqif tal-Aġenzija tas-Suq tal-Proprjetà bħala regolatur ġdid tal-intermedjarji, kif ukoll it-tisħiħ tal-liċenzjar, l-infurzar u l-istandards fis-settur tal-kostruzzjoni.

Din il-konferenza kienet indirizzata wkoll miċ-Chairman ta’ Property Malta s-Sur Sandro Chetcuti u ngħatat ukoll preżentazzjoni mid-Direttur ta’ PwC is-Sinjura Angelique Spina. Fost l-imsieħba fis-settur kien hemm preżenti rappreżentanti mill-Malta Development Association u entitajiet regolatorji, fosthom Property Market Agency.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport