Il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol nieda uffiċjalment is-servizz tal-Police Patrolling Community Support Officers (PPCSOs), inizjattiva ġdida li ssaħħaħ l-impenn tal-gvern favur pulizija aktar viċin in-nies u aktar preżenti fil-komunitajiet.
Il-PPCSOs għandhom rwol kruċjali biex ikunu preżenza viżibbli, aċċessibbli u ta’ serħan il-moħħ fil-lokalitajiet, billi jaħdmu parti u id f’id mal-Korp tal-Pulizija fil-komunitajiet mal-kunsilli lokali, mal-iskejjel, mal-għaqdiet u ma’ entitajiet oħra fil-komunità.
L-għan ewlieni tagħhom huwa li jkunu preżenti fil-komunità permezz ta’ patrols kontinwi, jindirizzaw sfidi ta’ kuljum, jintervjenu kmieni f’sitwazzjonijiet ta’ mġiba antisoċjali, joffru pariri dwar is-sigurtà u jsaħħu r-relazzjoni bejn iċ-ċittadin u s-servizz tal-pulizija.
Dan l-irwol kien ġie propost għall-ewwel darba fil-Budget u wara li saru l-emendi neċessarji fil-liġi ħarġet l-ewwel sejħa. Permezz ta’ dan il-proċess illum il-Korp tal-Pulizija għandu l-ewwel 34 PPCSO fis-servizz. Din l-inizjattiva hija allinjata bis-sħiħ mal-Istrateġija Korporattiva tal-Korp tal-Pulizija u mal-investiment imħabbar fil-Budget, li jagħti prijorità lir-riżorsi umani, it-taħriġ u l-prevenzjoni.
Permezz ta’ dan ir-rwol, il-gvern qed ikompli jsaħħaħ il-viżjoni tiegħu ta’ pulizija li mhijiex biss forza ta’ infurzar, iżda servizz modern, effiċjenti u b’sens qawwi ta’ preżenza fil-komunità.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri qal, “Il-PPCSOs jirrappreżentaw il-qalba tal-viżjoni tagħna għal pulizija li tkun aktar viċin in-nies. Dawn huma uffiċjali li jisimgħu, jifhmu u jaġixxu qabel il-problemi jeskalaw. B’investiment f’dan is-servizz, qed nibnu komunitajiet aktar siguri, aktar magħquda u aktar b’saħħithom, naqqasna r-rata ta’ kriminalità u nżammet baxxa, filwaqt li nsaħħu l-fiduċja bejn iċ-ċittadin u l-istituzzjonijiet.”
Il-Kumissarju tal-Pulizija Angelo Gafà spjega li l-introduzzjoni tal-PPCSOs mhijiex inizjattiva iżolata, iżda parti essenzjali minn viżjoni usa’ u strateġija ċara li tiffoka fuq Safer Communities – Smarter Policing ibbażata fuq il-bżonnijiet tal-komunitajiet tagħna. “Bħalissa għandna 170 uffiċjal assenjati fit-Timijiet tal-Pulizija fil-Komunità, inklużi 34 Patrol & Community Support Officers. Hekk kif inkomplu nimplimentaw il-viżjoni tagħna, nibqgħu determinati li nżommu lil pajjiżna fost l-aktar sikuri fid-dinja.”
Il-ministeru rringrazzja lill-PPCSOs kollha tal-impenn u d-dedikazzjoni tagħhom, filwaqt li awguralhom kull suċċess fil-ħidma importanti li se jkunu qed iwettqu fil-qalba tal-komunitajiet Maltin u Għawdxin.

