Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul nieda uffiċjalment il-Young Shapers Forum, inizjattiva ġdida li se tkun qed tara tfal ta’ bejn 11 u 15-il sena jingħataw spazju fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) sabiex iressqu l-ideat u l-opinjonijiet tagħhom dwar bosta temi differenti.
Matul it-tnedija tal-Young Shapers Forum, l-istudenti ħadu l-opportunità biex isiru jafu lil xulxin u dwar kif jaħdem l-MCESD, filwaqt li ingħataw iċ-ċans illi jitkellmu dwar x’jixtiequ jaraw differenti fil-pajjiż.
Is-Segretarju Parlamentari Ellul spjega illi dan il-forum se jkun qed joffri lil dawn it-tfal pjattaforma strutturata u inklussiva, sabiex jesprimu l-fehmiet tagħhom mhux biss dwar temi li jaffettwaw il-preżent, iżda anke l-futur ta’ Malta.
Il-Young Shapers Forum ġie stabbilit taħt l-Att tal-MCESD u mmexxija mill-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, b’kollaborazzjoni mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal. Dawn l-istudenti b’hekk se jkollhom l-opportunità illi jippreżentaw il-veduti ta’ studenti oħrajn tal-etajiet tagħhom.
Iċ-Chairperson tal-MCESD, Maria Micallef, enfasizzat l-importanza li ġenerazzjonijiet iżgħar jiġu involuti f’diskussjonijiet nazzjonali, u saħqet li l-Young Shapers Forum ser isaħħaħ l-inklussività fid-djalogu soċjali.
“Dan huwa pass strumentali għall-MCESD, bħala pjattaforma ewlenija fejn jiġu diskussi t-temi soċjoekonomiċi prinċipali ta’ pajjiżna. Permezz ta’ din l-inizjattiva, qed nagħtu opportunità lill-istudenti biex ikunu involuti fid-diskussjonijiet u jagħtu r-rakkomandazzjonijiet tagħhom,” qalet iċ-Chairperson tal-MCESD.
Il-Kummissarju għat-Tfal, Antoinette Vassallo, enfasizzat l-importanza li t-tfal ikollhom id-dritt li jipparteċipaw b’mod attiv u li jkunu vuċi għal dak li jixtiequ jaraw f’pajjiżhom. Spjegat li dan il-forum se jkun qed jagħtihom spazju sigur fejn jesprimu l-fehmiet tagħhom, jitgħallmu jisimgħu lil xulxin u jifhmu l-valur tad-djalogu soċjali.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul temm jispjega kif din l-inizjattiva hija opportunità unika sabiex it-tfal jitgħallmu kif jitħaddem id-djalogu soċjali fil-prattika, permezz tal-ħidma konġunta bejn l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal u l-MCESD.

