Tuesday, November 26, 2024

Jitolbu l-introduzzjoni ta’ miżuri ġodda biex in-numru tal-każi ġodda jinżel taħt l-10 kuljum

Aqra wkoll

Tobba u ħaddiema tas-saħħa qed jitolbu biex jiġu introdotti aktar miżuri biex tkun ikkontrollata l-imxija tal-Covid-19 f’pajjiżna. Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni Medika Maltija u l-Assoċjazzjoni għall-Mediċina tas-Saħħa Pubblika wrew it-tħassib tagħhom dwar is-sitwazzjoni attwali fir-rigward tal-każi ġodda li qed jiġu reġistrati.

Fl-istqarrija huma qalu li kitbu b’mod kunfidenzjali lis-supretendent tas-saħħa pubblika fejn talbuha biex jiġu introdotti aktar miżuri biex in-numru tal-każi jonqos mill-ġdid.

Huma qalu li b’medja ta’ 46 każ kuljum matul dawn l-aħħar ġimagħtejn, Malta għandha t-tieni l-aktar rata għolja ta’ każi ġodda fl-Unjoni Ewropea.

Kaġun ta’ dan mill-inqas 16-il pajjiż membru tal-UE introduċew restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar minn u lejn Malta, bil-wasliet ta’ turisti f’pajjiżna jonqos drastikament.

L-Assoċjazzjonijiet qalu li għaldaqstant għandhom jiddaħħlu fis-seħħ mill-aktar fis possibbli miżuri biex in-numru ta’ każi ġodda jinżel għal taħt għaxar każi kuljum.

Qalu wkoll li minkejja li s-servizzi tas-saħħa kienu qed ilaħħqu maż-żieda fin-numru ta’ każi ġodda, l-imxija tal-virus fost dawk meqjusin bħala vulnerabbli qed tiżdied. Tennew li hekk kif in-numru fost pazjenti vulnerabbli jkompli jiżdied, ir-riskju ta’ mwiet li jistgħu jiġu evitati qed ikompli jiżdied ukoll.

Dan filwaqt li 10% tal-pazjenti li jiddaħħlu għall-kura l-Isptar Mater Dei jaf idumu xhur biex jirkupraw is-saħħa tagħhom.

Tennew li jekk il-każi f’Malta jonqsu għal-livelli ta’ Ġunju, dan se jkun qed iħalli benefiċċji kemm għas-saħħa pubblika u kif ukoll għall-ekonomija.

Sport