Eluf ta’ nies ħadu sehem fi protesta kontra l-femiċidju fi Buenos Aires, l-Arġentina, fejn talbu li ssir ġustizzja wara li tifla u żewġ nisa żgħażagħ kienu ttorturati u maqtula f’delitt li xxokkja pajjiż sħiħ.
Il-vittmi huma Lara Gutierrez ta’ 15-il sena, u Morena Verdi u Brenda del Castillo, li t-tnejn kellhom 20 sena. Il-pulizija temmen li gang tat-traffikar tad-droga kien responsabbli għal dan id-delitt.
Il-Ministru tas-Sigurtà Nazzjonali Patricia Bullrich qalet li b’rabta ma’ dan il-każ ġew arrestati ħames suspettati – tlitt irġiel u żewġ nisa, iżda raġel Peruvjan ta’ 20 sena li jingħad li huwa l-mexxej tal-grupp għadu maħrub.
Skont l-investigaturi, il-vittmi kienu mħajra biex jidħlu f’vann għax emmnu li kienu se jwassluhom għal festin nhar id-19 ta’ Settembru li għadda. Iżda l-awtoritajiet qalu li dan kien parti minn pjan biex “jikkastigaw” lit-tfajla u lin-nisa l-oħra talli kisru l-kodiċi ta’ dan il-gang, u dan serva bħala twissija għal oħrajn.
Wieħed mid-detenuti wera filmat ta’ kif seħħ l-inċident waqt li kien qed jiġi interrogat. F’dan il-filmat, il-mexxej ta’ dan il-grupp jinstema’ jgħid “dan jiġri lil dawk li jisirquli d-droga”.
Sadanittant, l-awtoritajiet Arġentini ħarġu wkoll ritratti tal-allegat moħħ wara dan id-delitt bit-tama li jinstab. Il-katavri tat-tliet persuni nstabu midfuna fi proprjetà f’subborg fin-nofsinhar ta’ Buenos Aires matul il-jum tal-Erbgħa, ħamest ijiem wara li ġie rrapportat li kienu nieqsa.
Fil-protesta tas-Sibt li għadda, familjari tal-vittmi kienu wkoll preżenti biex jitolbu għal ġustizzja għan-nisa u anke għat-tfajla li sfaw maqtula f’dan il-każ. “In-nisa għandhom ikunu protetti aktar minn qatt qabel,” qal missier Brenda f’kummenti mal-ġurnalisti.