Tuesday, December 24, 2024

Jitpoġġa taħt probation talli ffastidja lill-eks sieħba

Aqra wkoll

Raġel ta’ 44 sena minn San Ġiljan tpoġġa taħt ordni ta’ probation wara li ammetta li ta fastidju lill-eks sieħba tiegħu permezz ta’ telefonati u billi mar id-dar tagħha mingħajr ma kien mistieden.

Ir-raġel, li fil-Qorti qal li jaħdem bħala kok, tressaq quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello mixli b’fastidju, użu ħażin ta’ apparat ta’ komunikazzjoni elettronika, li ħebb għall-mara u darabha ħafif u li heddidha. 

L-Ispettur Eman Hayman, li mexxa l-Prosekuzzjoni, spjega fil-Qorti li l-akkużat u l-allegata vittma nfirdu f’Ġunju wara “ġlieda żgħira”. Il-kuntatt bejn il-partijiet kien inqata’ iżda xahar wara, ir-raġel reġa’ beda jagħmel “ammont kbir ta’ telefonati lill-mara”. 

L-Ispettur żied jispjega li t-telefonati komplew anke wara li l-akkużat kien tkellem mal-pulizija. “Huwa kien imsejjaħ għall-interrogazzjoni. Malli telaq, mar dritt id-dar tal-mara u nqabad mill-kamera tar-residenza jdoqq il-qanpiena tagħha.” 

Ir-raġel wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu, liema ammissjoni ġiet ikkonfermata minnu anke wara li l-Qorti wissietu li l-akkużi jistgħu jwasslu għal piena ta’ ħabs. 

Fis-sottomissjonijiet dwar il-piena, l-Ispettur Hayman qal li r-raġel kien għaraf l-iżball li għamel u anke ta stqarrija f’dan ir-rigward. Qal ukoll li d-djar tal-partijiet kienu jinsabu fl-istess lokalità.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, filwaqt li sabitu ħati tal-akkużi poġġietu taħt ordni ta’ probation għal 18-il xahar flimkien ma’ ordni ta’ trażżin għall-istess perjodu. 

Il-Qorti wissietu lill-ħati li kellu jifhem li r-relazzjoni tiegħu mal-vittma kienet spiċċat u li kien qed jagħmel reat kriminali meta jiffastidjaha. Min-naħa tiegħu, ir-raġel iddikjara li kien se jżomm id-distanza tiegħu minn mal-mara u kien se jieqaf iċemplilha. 

Ekonomija

Sport