Wednesday, April 24, 2024

Jitpoġġa taħt sentejn probation wara li attakka raġel b’sikkina

Aqra wkoll

Maverick Azzopardi ta’ 27 sena tpoġġa taħt ordni ta’ probation wara li nhar it-Tnejn instab ħati li fl-2015 attakka raġeb b’sikkina.

Dan il-każ kien seħħ f’Marsaskala hekk kif il-vittma kien sofra ġrieħi gravi wara li Azzopardi li tah b’sikkina u laqtu f’wiċċu, f’widjenh u anke f’idi. Fost l-akkużi li kien qiegħed jiffaċja l-akkużat kien hemm li żamm sikkina mingħajr permezz, li kellu arma tan-nar fuqu kif ukoll li fil-pussess tiegħu kellu l-kannabis.

Il-Prosekuzzjoni qalet li l-akkużat kien mar fir-residenza tar-raġel b’sikkina u kien hawn li huma ġew fl-idejn. L-akkużat kien laqat lill-vittma f’widnejh u ċarratlu parti minnha.

Intqal li ġurnata qabel ma seħħ dan, iż-żewġ persuni kellhom argument verbali fuq il-midja soċjali minħabba li l-akkużat kellu jagħti lill-vittma €10. L-għada Azzopardi kien mar għand il-vittma u hekk kif rah fuq l-għatba tad-dar ġew fl-idejn u kien hawn li xejjirlu daqqiet b’sikkina.

Fix-xhieda tagħhom il-pulizija qalu li kienu sabu l-bieb tal-komun miftuħ filwaqt li l-vittma kien niżel it-taraġ tal-komun b’ċaruta ma’ widnejh fejn l-istess pulizija seta’ jinnota li kien ħiereġ id-demm. Mill-ewwel, il-vittma kien qal lil pulizija li kien Azzopardi li aggredih u hekk kif il-pulizija marru biex jitkellmu mal-aggressur sabuħ id-dar jilgħab il-playstation.

Azzopardi kien qal lil pulizija li kellu argument mal-vittma fil-komun tal-blokka fejn jgħix l-istess vittma. Kien allega li kien il-vittma li tah daqqa ta’ xkupa u kien qasam il-lasta tal-ixkupa fuqu.

Min-naħa tiegħu l-vittma meta ġie mitkellem mill-pulizija kien qal li l-argument kien fuq xi ħaġa żgħira li beda l-jum ta’ qabel fuq messenger. Qal li kif niżel biex jiftaħ il-bieb tal-komun sab lill-akkużat ma’ wiċċu u ħebb għalih b’sikkina. Il-pulizija xehdu fil-Qorti li l-vittma kien qallhom li hu pprova jiddefendi lilu nnifsu, iżda kien diġà laqtu b’sikkina fosthom f’wiċċu u anke f’widnejh. Qal li biex jiddefendi lilu nnifsu kien qabad lasta ta’ xkupa u beda jagħtih biha.

Espert li kien tqabbad xehed li hu ma kienx sab demme fuq is-sikkina li ntużat fil-każ, iżda kien sab traċċi tad-demm kemm tal-vittma u anke tal-aggressur fuq il-lasta tal-ixkupa.

Fis-sentenza tiegħu l-Maġistrat Leonard Caruana qal li ma jara l-ebda raġuni għaliex għandu jiddubita mill-verżjoni tal-vittma. Kien għalhekk li sabet lil Azzopardi ħati li weġġa’ lir-raġel.

Il-Maġistrat Leonard Caruana qalet li l-akkużat għandu diversi problemi personali u anke soċjali u wera x-xewqa li jegħleb dawn il-problemi minkejja li kien ingħata l-għajnuna diversi drabi.

Ħareġ ċar li Azzopardi ibati minn ansejtà u anke kien hemm żmien li rrikorra għal vizzju tad-droga. L-akkużat qal li jixtieq jgħin lilu nnifsu biex ma jibqax fil-vizzju tad-droga, iżda m’għandux is-saħħa li jibda programm residenzjali għar-rijabilitazzjoni tad-droga.

Kien għalhekk li l-Qorti qalet li ma tara piena ta’ ħabs bħala waħda adegwata. Filwaqt li sabitu ħati tal-akkużi, ħarġet ordni ta’ probation għall-perjodu ta’ sentejn. Il-Maġistrat ordna trattament li għandu jintemm b’suċċess kontra l-vizzju tad-droga.

Azzopardi ġie ordnat iħallas €2,400.

Sport