Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said żaret l-Uffiċċju tad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura fl-Għammieri, fejn qed jitqassam weraq tal-palm lis-sajjieda sabiex jippreparaw għall-istaġun tant mistenni tal-lampuki.
L-istaġun tal-lampuki huwa meqjus bħala wieħed tradizzjonali, u huwa parti essenzjali mill-kalendarju tas-sajd f’pajjiżna. Il-weraq tal-palm jintużaw mis-sajjieda biex jibnu l-kannizzati, strutturi tradizzjonali li jintużaw biex jaqbdu l-lampuki. S’issa tqassmu iżjed minn 3000 werqa tal-palm lis-sajjieda.
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said sostniet li permezz ta’ din l-inizjattiva, il-Gvern qed ikompli jappoġġja lis-sajjieda fil-ħidma tagħhom, b’mod partikolari matul il-perjodu tal-istaġun tal-lampuki, filwaqt li jkompli jżomm il-wirt marittimu ħaj. “L-istaġun tal-lampuki huwa żmien importanti ħafna għas-sajjieda tagħna u għall-kultura marittima Maltija. Permezz tat-tqassim tal-weraq tal-palm, qed inkomplu nħarsu u nippromwovu t-tradizzjonijiet tas-sajd filwaqt li qed ngħinu lis-sajjieda b’mod dirett.”
Is-segretarju parlamentari temmet tgħid li l-Gvern jibqa’ kommess li jkompli jsaħħaħ is-settur tas-sajd b’miżuri li jirrispettaw kemm is-sostenibbiltà ambjentali kif ukoll il-bżonnijiet tas-sajjieda.
Min-naħa tiegħu, l-Aġent Direttur Ġenerali għas-Sajd u l-Akwakultura Bjorn Azzopardi qal li, “Ix-xahar ta’ Awwissu hu magħruf għas-sajd tal-lampuki u bi preparazzjoni għal dan l-istaġun, id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura qiegħed joffri servizz ta’ palm b’xejn lil madwar 50 sajjied full-time u part-time Malti li jistadu fir-rimijiet għal-lampuki. Dan is-servizz ser ikompli għaddej bla ħlas sal-aħħar ta’ din il-ġimgħa.” Huwa rringrazzja lil ħaddiema kollha li qed jaħdmu sabiex dan is-servizz jiġi offrut.