L-awturi u l-kompożituri tal-kanzunetti tal-konkors kanzunetta għall-Ewropa spiċċaw mingħajr aċċess għal post fis-sala wara li kull kanzunetta kellha biss żewġ passes għall-backstage.
Dan kien ifisser li ħafna mill-kantanti għażlu li jkollhom l-istilisti tax-xagħar, persuni inkarigati mill-irtokk, stilisti, managers u assistenti personali biex jgħinuhom fl-aħħar preparamenti qabel jitilgħu fuq il-palk.
L-awturi u l-kompożituri b’hekk ma tantx kellhom għażla. Kellhom jew jagħżlu li jsegwu l-kanzunetti tagħhom fuq it-televiżjoni jew iħallsu biex ikunu preżenti għall-frott ta’ prodott li finalment beda minnhom.
Dawn l-artisti lmentaw quddiem l-awtorità konċernata biex jingħataw aċċess bir-raġunament li mingħajr il-kapaċitajiet tagħhom dan il-konkors ma jkunx jista’ jittella’, iżda l-ilment waqa’ f’widnejn torox.
Sorsi qrib dan is-sit ikkonfermaw magħna li wara dan kollu lbieraħ, siegħa qabel l-ispettaklu l-kantanti ngħataw għaxar biljetti għas-serata, iżda bosta kienu dawk li rreaġixxew għal din il-mossa bħala waħda li kompliet tikkonferma l-inġustizzja li saret mal-awturi u l-kompożituri.
Intant wara l-ewwel serata tal-bieraħ, bosta kienu dawk li xerrdu ritratti fuq il-midja soċjali u ddeskrivew il-mod ta’ kif ittieħdu ċertu deċiżjonijiet bħala l-falliment tal-konkors hekk kif ħafna mill-postijiet fis-sala baqgħu battala.