Il-UEFA Solidarity Payments għall-istaġun 2023/24 tqassmu lin-nurseries taż-żgħażagħ, is-Sibt waqt attività fil-Malta FA Training Grounds.
It-Training Grounds kienu mimlijin bl-azzjoni hekk kif numru ta’ tfal kellhom l-opportunità jilagħbu fil-grounds tat-turf naturali.
Il-Malta Football Association, flimkien mal-Fondazzjoni Inħobb il-Football (IFF) u l-Youth Football Association, ingħaqdu biex jospitaw il-festival annwali tal-football tal-grasroots, bl-enfasi ta’ din is-sena tkun fuq il-grupp tal-età taħt id-disa’ snin.
Fl-avveniment ta’ din is-sena pparteċipaw b’kollox 32 nurseries, li enfasizzaw ix-xogħol eċċellenti tagħhom u r-rwol vitali li għandhom fix-xena tal-football Malti u fis-soċjetà tagħna.
Kif kien il-każ matul l-aħħar snin, in-nurseries lokali taż-żgħażagħ irċevew ukoll il-fondi riservati għall-football taż-żgħażagħ waqt l-avveniment.
Għal din l-attività kien hemm preżenti l-President tal-Malta FA, Bjorn Vassallo, flimkien mal-President Onorarju u Fundatur tal-Youth FA, Fr Hilary Tagliaferro. Michael Mifsud u Brian Said, it-tnejn ambaxxaturi għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-125 anniversarju tal-Malta FA, kienu wkoll fil-kumpless tal-football biex isellmu lill-players żgħażagħ, flimkien ma’ numru ta’ Coaches tat-Timijiet Nazzjonali, inkluż il-coach nazzjonali, Emilio De Leo.
Il-players żgħażagħ telgħu fil-ground biex juru l-passjoni tagħhom għall-isport, f’dik li kienet għodwa mill-isbaħ għal dawk kollha involuti, jilagħbu f’partiti żgħar.
Meta tkellem waqt din l-attività, il-President Vassallo irrimarka li huwa sabiħ li tara mijiet ta’ tfal “bi tbissima fuq wiċċhom jagħmlu dak li l-aktar iħobbu, li jilagħbu l-football.”
“Il-Kumpless tal-Football, f’Ta’ Qali, illum fetaħ il-bibien tiegħu biex il-players ta’ għada, akkumpanjati min-nurseries tal-football dejjem preżenti, jiġu jilagħbu l-futbol f’ambjent sabiħ u fuq turf naturali.”
“Għat-tfal m’hemm xejn akbar milli jiltaqgħu ma’ oħrajn, jagħmlu ħbieb ġodda, u jilagħbu l-football mingħajr l-ebda pressjoni,” żied jgħid.
Il-president tal-Malta FA rringrazzja lill-coaches u lill-voluntiera tan-nurseries, kif ukoll lill-ġenituri tal-paċenzja tagħhom biex jappoġġjaw lil dawn it-tfal fl-impenji sportivi tagħhom. Huwa faħħar ukoll il-ħidma tal-Youth FA u l-Fondazzjoni Inħobb il-Futbol għall-ħidma kontinwa tagħhom fis-settur taż-żgħażagħ u tad-dilettanti. “Eżattament hawn għandhom jiġu investiti l-flus tas-solidarjetà, fil-grasroots, għax fl-aħħar ir-ritorn dejjem ikun garanzija u l-Assoċjazzjoni tibqa’ taħdem bis-sħiħ biex tappoġġja dan is-settur,” tenna l-president tal-MFA.
Min-naħa tiegħu, Fr Hilary Tagliaferro irrimarka: “Għandna nħallu lit-tfal jilagħbu l-football. M’għandniex nkunu aħna l-adulti, kemm amministraturi, ġenituri, jew coaches, li nħassru s-sbuħija tal-logħba għalihom. Minflok, għandna dejjem inkunu hemm biex ninkoraġġuhom, nappoġġjawhom u nħalluhom liberi li jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom. Dan għaliex b’ħila u żvilupp, jistgħu jesprimu l-aħjar f’ħajjithom, inkluż fil-football.”
It-tfal kellhom nofs ta’ nhar divertenti, li kellhom l-opportunità jiltaqgħu ma’ oħrajn minn nurseries differenti, filwaqt li kellhom iċ-ċans ukoll jilagħbu fl-istess grounds bħall-selezzjonijiet tat-timijiet nazzjonali.