Friday, November 15, 2024

Jitqiegħed taħt ordni ta’ probation wara li darab ħafif raġel minħabba awrina ta’ annimal

Aqra wkoll

Clifton Mifsud ta’ 45 sena imwieled l-Imtarfa iżda residenti r-Rabat Għawdex, tqiegħed taħt ordni ta’ probation għal perjodu ta’ tliet snin u anke taħt ordni ta’ trattament wara li nstab ħati mill-Maġistrat Simone Grech li mingħajr il-ħsieb li joqtol jew iqiegħed l-ħajja ta’ ħaddieħor f’periklu ċar, permezz ta’ strument li jaqta’ jew iniggeż ikkaġuna ġrieħi ta’ natura ħafifa fuq Jonathan Carabott.

Il-każ kien seħħ fis-19 ta’ Lulju ta’ 2021 meta għall-ħabta tal-5.00 p.m., il-pulizija t’Għawdex kienu rċivew telefonata li kien hemm argument fi Triq l-Ewropa fir-Rabat Għawdex.

Fix-xhieda tiegħu s-Suġernt Carmelo Debattista qal li meta mar fuq il-post sab ambulanza u li tim mediku kien qiegħed jipprepara biex jieħu lil Carabott l-Isptar Ġenerali. Dan kien ġie ferut f’dan l-inċident.

Is-Surġet qal li kien tkellem mill-ewwel ma’ mart il-vittma  li sostniet li meta rritornaw lura mill-festa, raw li kien hemm xi awrina ta’ annimal fuq it-tapit tagħhom u nizlu jħabbtu lil ġar tagħhom. Spjega li din qalet li dan kellu mużika għolja mixgħula u ħabbtu ftit bil-qawwi fuq il-bieb biex jismagħhom. Qal li mart il-vittma spjegatlu li l-imputat fetaħ il-bieb u kellu sikkina f’idu x’aktar bix-xafra sewda. 

Kompla jixhed li mart il-vittma qalet li żewgħa kien informa lil imputat li kien sab l-awrina fl-art u li min iħammeġ irid inaddaf warajħ. Spjega li mart il-vittma kompliet tgħid li zewgha kien qal lil imputat biex lanqas ma jagħmel kuntatt ma’ uliedu u l-imputat kien offenda lil vittma filwaqt li xejjer is-sikkina u laqtu fil-parti ta’ zaqqu.

Is-Surġent quddiem il-Maġistrat Grech qal li mart il-vittma kienet qaltlu li kienu imbuttat lil żewġha lura u lil Mifsud ġewwa daru. Qal ukoll li meta kien fuq il-post seta’ jinnota taqtir ta’ demm barra u anke xi taqtir ġewwa l-partijiet komuni.

Mistoqsi mill-avukat difensur jekk il-vittma u martu kienux xurbana fil-ħin tal-inċident, is-Surġet xehed li ma kienux jidhru fis-sakra jew xurbana.

Il-vittma fix-xhieda tiegħu quddiem il-Qorti qal li hu u l-familja tiegħu kienu għadhom kemm waslu d-dar u xħin waslu fil-livell tal-ppartament tagħhom innotaw li kien hemm għadira awrina.  Kompla jgħid li l-akkużat kien ġab annimal hemmhekk.

Qal li martu marret tħabbat fuq il-bieb tal-imputat u huwa nizel warajja iżda waqaf fit-taraġ. Spjega li martu kellha tħabbat fuq il-bieb bis-saħħa għaliex l-imputat kellu l-volum tal-mużika għoli. Spjega li l-imputat fetaħ il-bieb b’sikkina f’idejh u huwa għalhekk mar fejn martu biex jiġbidha ‘l barra peress li din kienet fuq l-għatba tal-bieb. Xehed li l-akkużat qabad jgħajjru u jgħolli leħnu.

Carabott xehed li dak il-ħin hu wieġbu li mhux se jibża’ minn min jgħolli leħnu, iżda skont ix-xhud l-akkużat kien pront wieġbu li għalkemm mill-għajjat ma kien se jibża, mis-sikkina kien jibża’.

Il-vittma qal li l-akkużat beda jgħajjru u offendih anke b’ ommu l-mejta u hekk kif kien se jitla’ ‘l fuq Mifsud waqfu, ġibdu minn spalltu u xejjirlu daqqa ta’ sikkina f’sidru.

Clifton Mifsud – l-imputat – għażel li jixhed f’dawn il-proċeduri kriminali. Hu xehed li hu jikri l-appartament mill-Awtorità tad-Djar. Qal li hu kien għamel 40 rapport kontra l-vittma minħabba li skont hu kienu jħammġu ħafna u jħallu l-affarijiet wara l-bieb.

L-akkużat qal li qabel ma waslet il-familja Carabott lura hu kien fil-kwiet l-appartament tiegħu. Qal li f’daqqa waħda sema tisbit kbir mal-bieb. Qal li min kien iħabbatlu u ma jkollux appuntament miegħu ma kienx jiftaħ. 

Iżda permess li t-tisbit kien qawwi, fetaħ. Carabott tefa’ waħda minn saqajh ġewwa d-dar biex iżomm il-bieb miftuħ. Min-naħa tiegħu l-imputat qal li hu kellu id waħda mal-bieb u l-oħra kienet bis-sikkina li kien qed juża fil-kċina. Hu ammetta li mar jiftaħ il-bieb bis-sikkina f’idejh u dan għaliex kien qiegħed jipprepara sidra tat-tiġieġa għall-ikel.

Xehed ukoll li hu kien sejjer jorqod u li s-soltu ma jiftaħx il-bieb għax ikun għarwien f’daru. Xehed li l-vittma beda jidgħi kemm jiflaħ u fuqu kellu riħa ta’ sigaretti u xorb. Hu sostna li kulma qal lil Carabott kien li se jġib il-pulizija.

Fis-sentenza tagħha l-Maġistrat Simone Grech qalet li “din il-Qorti qieset il-verżjonijiet mogħtija mill-allegata vittma u martu u kif ukoll mill-imputat. Qieset ukoll ix-xhieda ta’ bint l-allegata vittma li tikkorabora l-verżjoni mogħtija minn missierha.

Minn din ix-xhieda u xħin għarblet il-provi kollha prodotti, din il-Qorti tqies li l-Prosekuzzjoni ressqet provi lil hinn minn kull dubbju raġjonevoli li l-imputat ikkaġuna ġriehi ħfief fuq il-persuna ta’ Jonathan Carabott bl-uzu ta’ sikkina li kellu f’idejħ.”

Kien għalhekk li wara li l-Qorti ma kellha l-ebda dubji dwar ħtija, sabet lil Clifton Mifsud ħati ta’ diversi akkużi li tressaq bihom u poġġietu taħt ordni ta’ probation għal perjodu ta’ 3 snin.

Ekonomija

Sport