Fl-intervent tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja, bħala wieħed mill-mistednin fuq panel discussion li kienet tiffoka fuq l-Implikazzjonijiet Prattiċi ta’ ġimgħa ta’ erbat ijiem xogħol (4-day week), qal li l-GWU bdiet tagħmel proposti dwar dan il-kunċett madwar tliet snin ilu. Infatti fost il-proposti tal-Budget kienet inkludiet dik ta’ 40 siegħa xogħol imqassma fuq erbat ijiem, magħrufa bħala ‘compressed week’, kunċett li ġie introdott fis-settur pubbliku b’ammont moderat ta’ ħaddiema jirrikorru għalih. Fil-privat hemm diversi forom ta’ ġimgħa ta’ xogħol. Il-GWU kompliet tesplora dan il-kunċett fejn din is-sena fost il-proposti tal-Budget ipproponiet studju ta’ ġimgħa xogħol ta’ 32 siegħa.
Il-GWU qed tipproponi li jsir studju kemm fis-settur privat, is-settur pubbliku u fl-amministrazzjoni pubblika u l-impatt ta’ dan il-kunċett ġdid fuq is-setturi tal-ekonomija. Fil-proposti tagħha saħqet li hemm hemm bżonn dan l-istudju biex naraw l-impatt fuq is-setturi kollha ekonomiċi.
Huwa qal li l-GWU tirrikonoxxi li l-isfidi li jridu jiġu indirizzati f’ċerti setturi, partikolarment il-kura, il-bejgħ bl-imnut, l-ospitalità, u s-sigurtà nazzjonali.
Għalhekk importanti li ssir analiżi tal-impatt u mhux biss dwar kif se jaħdem il-kunċett.
Huwa importanti anke minħabba l-ekonomija globalizzata naraw l-impatt ma’ pajjiżi oħra.
“Aħna m’aħniex iżolati iżda nagħmlu parti minn sistema globali. Għalhekk ipproponejna ġimgħa xogħol ta’ 32 siegħa u mhux erbat ijiem xogħol. Kif ukoll ipproponejna li jsir proġett pilota fuq is-settur pubbliku, is-settur privat u l-amministrazzjoni pubblika biex ikollna stampa ċara tal-effetti kollha.
B’hekk inkunu nafu eżatt x’qed jiġri u għaliex qed jiġri u x’inhuma l-effetti mhux biss fuq il-benessri tal-ħaddiema iżda anke mil-lat ta’ produttività u kompetittività fost oħrajn. Biex b’hekk ikollna l-informazzjoni fuqhiex nistgħu niddibattu realment.”
Żied jgħid li qegħdin naffaċċjaw ħafna ħaddiema stressjati, anzjużi u oħrajn isofru minn problemi ta’ saħħa mentali.
Permezz tal-Intelliġenza Artifiċjali u l-awtomazzjoni li se jkunu qed jagħtu s-sehem tagħhom, irridu naraw li ma niffokawx biss fuq tnaqqis mill-ħin tax-xogħol iżda tfassil mill-ġdid tad-dinja tax-xogħol.
Bugeja temm jgħid li hekk kif l-isħab soċjali jmissu direttament mad-dinja tax-xogħol huwa meħtieġ li jkunu nklużi fid-diskussjonijiet nazzjonali dwar dan il-kunċett ġdid, fejn għandu jibda jitqies ix-xogħol u mhux l-ammont ta’ ħin fuq ix-xogħol.

