L-eks Deputat Nazzjonalista u l-avukat Jason Azzopardi tressaq il-Qorti minħabba li dan allegatament nhar it-Tnejn li għadda wara s-seduta tal-Qorti tal-appell relatata mal-konċessjoni tal-Isptarijiet, ġibed xi filmati tal-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard jitkellmu fil-binja tal-Qorti.
Fost ix-xhieda, xehdet il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tas-Servizzi tal-Qorti Eunice Grech Fiorini li qalet li l-Qorti tat ordnijiet sabiex jiġu eżaminati l-filmati tas-CCTV, bl-indikazzjonijiet juru li l-filmat qabel mal-mument li Azzopardi kien għaddej qrib Awla 19 nhar it-2 ta’ Diċembru.
Qalet li nfurmatt lill-Prim Imħallef bil-każ u li wara li ħadet parir legali, din intalbet tagħmel ilment kriminali.
Xehed ukoll il-Kap tal-Marixxal John Micallef, fejn qal li Grech Fiorini ordnatlu sabiex jirrapporta l-każ lill-Pulizija. Id-Difiża mmexxija mill-avukat Arthur Azzopardi staqsiet lil Micallef jekk lil Azzopardi rahx jiġbed xi filmat, b’Micallef iwieġeb li hu kien rah miexi.
Fix-xhieda tiegħu, il-Ministru sostna li hu u l-Prim Ministru qraw is-sentenza qabel ma taw il-kummenti lill-midja u saru li jafu bil-filmat aktar tard f’Kastilja. L-avukat tal-aġenzija qal li l-evidenza li baqa’ hija dik tal-espert tal-qorti u tal-editu ta’ Net News sabiex jikkonferma l-filmat.
“Din mhix każ ta’ intimidazzjoni … iżda ta’ assigurazzjoni li fil-binja tal-Qorti, “tirrenja l-bon ordni- il-Ministru Jonathan Attard
“Jiena bħala Ministru tal-Ġustizzja intlabt nagħti x-xhieda dwar sitwazzjoni li kont involut fiha jien. Però din tkun lil hinn mill-fatt li deher il-Prim Ministru u l-Ministru tal-Ġustizzja f’filmat. Hija stiwazzjoni fejn huwa stabbilit illi fil-Qorti ma għandhomx jittieħdu filmati u ritratti mingħajr l-awtorizzazzjoni. Din mhijiex każ ta’ intimidazzjoni imma każ li naraw li fil-bija tal-Qorti tirrenja il-bon ordni”
Dan kien il-kumment li ta lill-midja, il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard barra l-Qorti.
“Double standards mill-PN: Liġi għall-allat u liġi għall-poplu”- Il-Partit Laburista
“Bernard Grech jaħseb li f’pajjiżna teżisti liġi għall-allat tal-klikka u liġi oħra għall-poplu.Għalhekk l-estremisti li ħadu kontroll assolut tal-Partit Nazzjonalista ħarġu mal-ewwel jiddefendu lill-eks deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi li jitkellem spiss dwar id-disprezz tal-Qorti, iżda imbagħad jippretendi li ħadd m’għandu jieħu passi kontrih jekk jagħmilha hu stess”.
Dan qalu l-Partit Labusita fi stqarrija fejn sostna li Jason Azzopardi l-ħin kollu jikkwota deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet meta jkunu jdoqqu d-diska tiegħu, iżda jippretendi li jista’ jattakkahom meta jiddeċidu xi ħaġa fuqu.
Qal ukoll; “B’rispett lejn is-saltna tad-dritt, Bernard Grech u Jason Azzopardi għandhom jieqfu darba għal dejjem jipprattikaw id-double standards fuq min jikser il-liġi.”.
Il-PL temm jgħid; “Filwaqt li bħal f’kull każ huma l-istituzzjonijiet li jiddeċiedu ħtija jew le, illum kellna konferma oħra dwar l-ipokresija tal-Partit Nazzjonalista”