Wednesday, September 17, 2025

Jitressaq Sirjan ieħor b’rabta mal-argument fir-Rabat, Għawdex

Aqra wkoll

Sirjan ta’ 24 sena residenti n-Nadur baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv wara li tressaq fil-Qorti t’Għawdex mixli li ħebb għal raġel ieħor u weġġgħu gravi f’argument fi Triq Santa Dminka, ir-Rabat, Għawdex. 

Yaser Hamid Hasan kien mixli li wettaq dan ir-reat nhar it-3 ta’ Settembru li għadda, li kellu sikkina fil-pussess tiegħu u li għamel lil ħaddieħor inġurji b’mod li ħareġ barra mil-limiti tal-provokazzjoni.

Hasan kien mixli wkoll li nhar it-Tnejn li għadda, fi Triq ir-Repubblika, ir-Rabat, Għawdex, saq vettura mingħajr liċenzja tas-sewqan, li saq b’mod traskurat u perikoluż u li m’obdiex l-ordnijiet tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi. 

L-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, bid-Difiża titlob għall-ħelsien mill-arrest tiegħu. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba li qalet li l-imputat ilu erba’ snin f’pajjiżna illegalment u għad baqa’ l-allegati vittmi li għad iridu jixhdu f’dawn il-proċeduri. 

Wara li semgħet liż-żewġ naħat, il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Tilden Tabone mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Mario Xiberras. L-Avukat Nadine Stivala dehret għall-imputat.

B’rabta ma’ dan il-każ kien tressaq Sirjan ieħor li wkoll ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih u baqa’ miżmum taħt arrest preventiv. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport