Wednesday, September 17, 2025

Jitressqu proposti għar-rijabilitazzjoni ekoloġika tal-bajja ta’ Blue Lagoon

Aqra wkoll

L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), Team Blue Lagoon u Mizzi Studio nedew diversi proposti għar-rijabilitazzjoni ekoloġika u t-titjib tal-esperjenza tal-viżitaturi fil-bajja ta’ Blue Lagoon. 

Fost id-diversi proposti li tħabbru lbieraħ hemm it-tneħħija ta’ kiosks mill-aktar parti prominenti tal-kosta tal-Blue Lagoon, sabiex jinħoloq passaġġ ta’ 200 metru b’veduti mill-isbaħ u aċċessibiltà mtejba.

Barra minn hekk, qed ikun propost ukoll ir-restawr ekoloġiku u l-protezzjoni ta’ aktar minn 35,000 metru kwadru ta’ garigue, b’ħitan tas-sejjiegħ tradizzjonali u miżuri oħra ta’ konservazzjoni.

Proposta oħra hi r-rilokazzjoni tal-opri tal-baħar mill-qalba tal-bajja, biex iż-żona tal-għawm tkun aktar aċċessibbli u sigura. Qed ikun propost ukoll li ż-żona tal-għzawm tikber b’20%.

Fost proposti oħra hemm żoni ġodda fejn tingħata l-informazzjoni lill-viżitaturi u sit adegwat għall-immaniġġjar tal-iskart, ir-riorganizzazzjoni tas-servizzi tal-ikel u xorb, roof gardens u t-tneħħija ta’ strutturi tal-konkrit. 

Fil-ġimgħat li ġejjin, dawn il-proposti se jkunu ppreżentati lill-awtoritajiet tal-ambjent u l-ippjanar biex jitnieda l-proċess ta’ permessi applikabbli, inkluż konsultazzjoni pubblika u evalwazzjoni ulterjuri mill-awtoritajiet konċernati. 

Fil-kummenti tiegħu, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg qal li dawn il-proposti juru x’jista’ jinkiseb permezz ta’ kollaborazzjoni u determinazzjoni kondiviża biex jinstabu soluzzjonijiet effettivi għal sfidi li ilhom jeżistu. Ir-riabilitazzjoni olistika tal-Blue Lagoon, flimkien mal-użu mill-ġdid b’sensittività tal-ispazji eżistenti, hija essenzjali jekk irridu niżguraw esperjenza aktar sigura u sostenibbli għall-viżitaturi – iżda fuq kollox, biex nipproteġu din il-ġawhra naturali għall-ġenerazzjonijiet futuri.”

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-MTA Carlo Micallef fisser kif “b’dan il-proġett ambizzjuż ta’ rijabilitazzjoni, qed nagħmlu pass deċiżiv lejn il-ħarsien tas-sbuħija naturali ta’ din il-bajja filwaqt li niżguraw esperjenza mill-aqwa għall-viżitaturi.” 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport