Għalliem tal-arti, li nstab ħati li abbuża sesswalment minn studenta ta’ 12-il sena ġie projbit milli jipprattika l-professjoni tiegħu ta’ għalliem.
Fi Frar tal-2023, Carmel Agius ġie kkundannat sentejn ħabs wara li nstab ħati li kkorrompa studenta ta’ 12-il sena waqt li kienet qiegħda taħdem fuq proġett tal-arti fi skola. Huwa kien appella mis-sentenza iżda kien miċħud.
Minbarra li tteħidlu l-warrant ta’ għalliem, ismu tniżżel fir-reġistru ta’ dawk il-persuni li jkunu nstabu ħatja li wettqu offiżi sesswali.
Fil-Qorti, l-istudenta kienet xehdet li l-allegat każ seħħ ftit qabel il-vaganzi tal-Għid tal-2018, meta kienet qed taħdem fuq proġett tal-arti. Hija kienet qalet li l-għalliem kien qalilhom li jekk ma jlestux il-proġett se tiġi affettwata l-marka finali u li jekk iridu setgħu jmorru fil-klassi tiegħu waqt free lesson biex ikomplu l-proġett.
Ingħad li l-istudenta semgħet minn dak li qalilha l-għalliem u li darba minnhom meta kellha free lesson, marret fil-klassi mal-għalliem. Ġara li Agius beda jersaq qrib tagħha u messa b’mod mhux xieraq.