Monday, December 9, 2024

Jittella’ b’suċċess l-Open Weekend fl-Ispazju Internazzjonali tal-Arti Kontemporanja ta’ Malta (MICAS)

Aqra wkoll

Matul tmiem din il-ġimgħa, bejn is-7 u t-8 ta’ Diċembru, il-pubbliku kellu l-opportunità li jżur l-Ispazju Internazzjonali tal-Arti Kontemporanja ta’ Malta (MICAS) li għadu kif ġie inawgurat, bi dħul b’xejn, fejn seta’ jara wkoll l-esebizzjoni tal-artista Portugiża Joana Vasconcelos.

Waqt żjara matul l-Open Weekend, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici sostna, “Kuntent bl-attendenza b’saħħitha tal-pubbliku Malti għal dan il-proġett ewlieni ta’ infrastruttura kulturali, li huwa istituzzjoni unika għall-mod kif integra l-fortifikazzjonijiet antiki tal-gżira tagħna b’missjoni ċara li jġib l-arti kontemporanja magħrufa mad-dinja kollha f’Malta.”

Il-Ministru Bonnici spjega li l-inawgurazzjoni tal-MICAS kienet mument storiku li rrappreżentat pass ieħor importanti fit-triq lejn it-twaqqif ta’ Malta bħala ċentru ewlieni għall-arti kontemporanja u djalogi kulturali internazzjonali.

“Bla dubju ta’ xejn, dan il-proġett ambizzjuż ta’ €30 miljun minn fondi Ewropej mhux biss jirrappreżenta wegħda elettorali mwettqa, iżda wkoll simbolu ta’ kif l-arti tista’ tkompli tgħaqqad is-soċjetà tagħna, billi toħloq spazji għal kreattività u koeżjoni soċjali. MICAS issa jservi bħala pjattaforma għall-artisti Maltin, Għawdxin, u internazzjonali biex jesebixxu t-talenti tagħhom filwaqt li jkompli jsaħħaħ it-turiżmu kulturali f’pajjiżna,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.

Matul l-Open Weekend, il-viżitaturi setgħu jaraw ukoll ix-xogħlijiet akkwistati mill-MICAS tal-artist kontemporanju Brittaniku Conrad Shawcross u l-iskultur Żvizzeru Ugo Rondinone. Dan apparti li ġew organizzati numru ta’ guided tours, workshops, attivitajiet tal-arti għat-tfal, logħob tradizzjonali, attivitajiet edukattivi, u mużika live.

Iċ-Chairperson Eżekuttiva tal-MICAS Phyllis Muscat qalet li l-Open Weekend tat lill-pubbliku Malti l-opportunità biex jesperjenza d-destinazzjoni kulturali ġdida f’Malta. “Għandna aktar minn 6,000 metru kwadru ta’ pajsaġġ storiku hawn fil-Furjana, li issa ġie reklamat u mogħti skop ġdid bħala spazju għall-arti u l-kultura. Il-parti tal-fortifikazzjonijiet li kienet inaċċessibbli issa ġiet irritornata lura biex titgawda mill-komunità. Inħeġġu lil kulħadd sabiex iżur il-MICAS,” qalet is-Sinjura Muscat.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport