Fil-Biċċerija Pubblika, fl-okkażjoni tal-Maltese Sausage Day, inkiser ir-rekord Nazzjonali tal-ikbar zalzett tal-Malti hekk kif propju l-attrazzjoni ewlenija kienet zalzett tal-Malti ta’ 77.45 metru u li kien imħejji minn Nigret Butcher.

Din kienet l-ewwel darba li ttella’ dan l-avveniment li matulu bosta entitajiet pubbliċi u privati offrew ikel ibbażat fuq iz-zalzett Malti.
Dawn kienu jvarjaw minn ftira għall-pastizzi u wraps, ravjul u doughnuts. Barra minn hekk, uffiċċjali miċ-Ċentru Nazzjonali tal- Vitikultura u l-Enoloġija kkombinaw nbejjed minn varjetajiet ta’ dwieli Maltin mal-prodotti li kienu qed jiġu servuti.
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, li żar dan l-avveniment qal li kien ta’ sodisfazzjon li jara lill-entitajiet pubbliċi u privati jissieħbu flimkien biex jivvalorizzaw prodott tradizzjonali lokali bħal ma hu iz-zalzett tal-Malti.
“Il-Maltese Sausage Fest mhux biss hija ċelebrazzjoni imma sservi wkoll bħala tifkira tal-irwol essenzjali tal-ikel fis-soċjetà tagħna. Din iċ-ċelebrazzjoni tagħti l-ispazju lill-poplu sabiex jagħraf u japprezza l-ħidma tar-raħħal u tal-biċċiera tagħna, li matul is-sena joffrulna diversi prodotti ta’ kwalità għolja. Dan l-avveniment jirrappreżenta d-dedikazzjoni ċara tal-Gvern biex jassigura t-tradizzjonijiet u joffri appoġġ ċar lil dawk kollha involuti fis-settur privat ukoll,” sostna l-Ministru Anton Refalo.

Id-Direttur Ġenerali tal-Biċċerija Pubblika Stefan Cachia qal li dan l-avveniment ikompli jibni fuq il-ħidma tal-Biċċerija biex tiskopri u tagħti ħajja lil prodotti tradizzjonali Maltin ibbażati fuq il-laħam, u fl-istess ħin tippromwovi l-versatilità ta’ dawn il-prodotti f’riċetti innovattivi u oriġinali.
Matul l-attività, li ttellgħet bis-sehem ta’ diversi ismijiet magħrufa fix-xena tal-ikel lokali, ma naqasx kant minn grupp ta’ mużiċisti Maltin li kienu t’attrazzjoni għal dawk kollha preżenti. Ġew organizzat ukoll diversi logħob għat tfal b’enfasi partikolari fuq iz-zalzett Malti.