Monday, December 23, 2024

Jittella’ madwar 1.8 tunnellata skart minn qiegħ il-baħar

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Malta Foundation f’ħidma ta’ tindif f’Marsaxlokk u Marsalforn… plastik, ħġieġ, tyres u ħadid fost l-oħrajn

“Sal-2050, jista’ jkun li l-ammont ta’ plastik fl-oċeani tagħna jisboq l-ammont ta’ ħut li jgħix fihom”. Hekk qal iċ-Chairman tal-Malta Airport Foundation, Josef Formosa Gauci, wara attivitajiet ta’ tindif ta’ qiegħ il-baħar f’Marsaxlokk u Marsalforn, Għawdex. Dawn l-attivitajiet laqqgħu madwar 30 għaddas minn Calypso Subaqua Club u Atlam Subaqua Club kif ukoll diversi volontiera, li flimkien għenu lill-Malta Airport Foundation tiġbor madwar 1.8 tunnellata skart, ammont li bejn wieħed u ieħor huma ekwivalenti għall-piż tal-akbar mammiferu – il-balena l-blu – mat-twelid.

Formosa Guaci sostna li dan ix-xenarju inkwetanti ta’ skart fil-baħar jurina li jekk irridu nbiddlu s-sitwazzjoni, ma nistgħux nibqgħu niddependu biss fuq l-isforzi tal-ftit individwi u organizzazzjonijiet li għandhom għal qalbhom l-ambjent. 

“Filwaqt li ninsabu kburin li l-Fondazzjoni qiegħda tagħti l-kontribut tagħha lejn ibħra aktar nodfa, nittamaw ukoll li nispiraw lil aktar organizzazzjonijiet u individwi jagħmlu l-istess,” kompla dan iċ-Chairman. 

F’Marsaxlokk ittellgħu mat-800 kilo skart minn qiegħ il-baħar li kien jinkludi numru sostanzjali ta’ flixkien tal-plastik u tal-ħġieġ, għadd ta’ tyres, partijiet minn magni u ħbula tal-irmiġġ.

F’Marsalforn, Għawdex l-għaddasa rnexxielhom itellgħu minn qiegħ il-baħar skart goff tal-metall, inkluż fdalijiet ta’ sellum. Filwaqt li l-iskart miġbur hawnhekk ammonta għal madwar 1,000 kilo, ma tantx ittellgħu oġġetti tal-plastik, tip ta’ skart li ġeneralment huwa komuni fil-baħar.

Il-Malta Airport Foundation irringrrazzjat lil Calypso Subaqua Club u Atlam Subaqua Club li, għat-tieni sena konsekuttiva, għenu fl-organizzazzjoni ta’ dawn l-attivitajiet ta’ tindif, kif ukoll lill-entitajiet li ħadu ħsieb li l-iskart li ttella’ mill-baħar intrema kif xieraq.

Ekonomija

Sport