Il-Ħamis f’Miami, ġew imtellgħin il-poloz tal-FIFA World Club Cup li għall-ewwel darba se ssir bejn 32 team minflok is-soltu bejn xi disa’ timijiet. It-tournament se jintlagħab mill-15 ta’ Ġunju sat-13 ta’ Lulju fl-Istati Uniti.
Grupp B, li jinkludi lil Paris St-Germain, Atletico Madrid u Botafogo, jidher l-aktar wieħed interessanti waqt li Grupp C għandu lit-tlett timijiet li jibdew bl-ittra B, Bayern Munich, Boca Juniors u Benfica, li magħhom għandhom lil Auckland ta’ New Zealand.
Iċ-champions renjanti, Manchester City, se jiffaċċjaw lil Juventus fi Grupp G wara li s-sena l-oħra rebħu t-tazza għall-ewwel darba meta fil-finali għelbu lil Fluminense tal-Brażil.
It-team Ingliż l-ieħor, Chelsea, li rebħu t-tazza fl-2021, se jħabbatha mal- Brażiljani, Flamengo, biż-żewġ timijiet l-oħra, Esperance tat-Tuneżija u Leon tal-Messiku m’għandhomx ikunu ta’ ostakolu biex jgħaddu għall-aħħar 16.
Fi gruppi oħra, Palmeiras u Porto, huma favoriti minn Grupp A, River Plate u Inter minn Grupp E, Fluminense u Borussia Dortmund minn Grupp F waqt li Real Madrid ma jidhrux li għandhom ifallu li jissuperaw Grupp H bit-tlett timijiet l-oħra, Al Hilal, Pachuca u Salzburg, jissieltu bejniethom għall-post l-ieħor.
Real, rebbieħa tat-tazza ta’ ħames darbiet se jibdew kontra Al-Hilal.
Post minnhom ġie riservat għal club Amerikan u l-FIFA b’mod kontroversjali tatu lil Inter Miami li lanqas huma ċ-champions ta’ dan l-istaġun.
Il-poloz kollha ttellgħu hekk:
Grupp A: Palmeiras, FC Porto, Al Ahly, Inter Miami
Grupp B: Paris St-Germain, Atletico Madrid, Botafogo, Seattle Sounders
Grupp C: Bayern Munich, Auckland City, Boca Juniors, Benfica
Grupp D: Flamengo, Esperance Sportive de Tunisie, Chelsea, Club Leon
Grupp E: River Plate, Urawa Red Diamonds, Monterrey, Inter
Grupp F: Fluminense, Borussia Dortmund, Ulsan, Mamelodi Sundowns
Grupp G: Manchester City, Wydad, Al Ain, Juventus
Grupp H: Real Madrid, Al Hilal, Pachuca, Salzburg