Monday, October 6, 2025

Jittellgħu żewġ avvenimenti li komplew iżidu l-għarfien dwar il-ħarsien tal-annimali

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali mmarka tmiem il-ġimgħa ddedikat lejn il-ħarsien tal-annimali permezz ta’ żewġ avvenimenti: l-Animal Honours Awards li ttella’ nhar il-Ġimgħa 3 ta’ Ottubru, kif ukoll Festa Annimali li ttellgħet is-Sibt li għadda, f’Ta’ Qali. Iż-żewġ avvenimenti komplew jenfasizzaw l-impenn tal-Gvern favur il-protezzjoni u l-ħarsien xieraq tal-annimali.

L-Animal Honours Awards għal sena oħra rrikonoxxew il-ħidma u d-dedikazzjoni bla waqfien tal-voluntiera, il-professjonisti u l-organizzazzjonijiet li ta’ kuljum jikkontribwixxu biex jissaħħu d-drittijiet tal-annimali. Matul iċ-ċerimonja ġew ippremjati bosta individwi u annimali, wara nominazzjonijiet u votazzjoni mill-pubbliku li saret matul ix-xhur tas-sajf. Il-premjijiet tqassmu mill-Ministru Anton Refalo, mis-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said, mis-Segretarju Permanenti Sharlo Camilleri, mill-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali Alison Bezzina, kif ukoll minn Dr Lydia Abela. Din l-inizjattiva tkompli sservi bħala pjattaforma biex jingħata ġieħ lil dawk li jiddedikaw ħinhom u l-enerġija tagħhom għall-kura u t-trattament xieraq tal-annimali f’Malta. 

Is-Sibt li gadda, il-familji nġabru f’Ta’ Qali għat-tielet edizzjoni ta’ Festa Annimali. Il-viżitaturi gawdew minn programm li kien jinkludi workshops u taħditiet dwar il-ħarsien tal-annimali, wirjiet ta’ annimali, stands edukattivi, mużika live, kif ukoll spazju apposta għat-tfal. L-attività ċċelebrat il-kontribut ta’ dawk kollha li jaħdmu għall-ġid tal-annimali, filwaqt li ħeġġet lill-pubbliku jħaddan il-prinċipji ta’ responsabbiltà fil-kura tal-annimali domestiċi.

Il-Ministru Anton Refalo sostna, “Din il-ġimgħa kienet opportunità importanti biex niċċelebraw flimkien il-benesseri tal-annimali. Permezz ta’ dawn iż-żewġ avvenimenti wrejna kemm bħala pajjiż napprezzaw lil dawk kollha li jiddedikaw ħinhom għall-protezzjoni u l-kura tal-annimali. Nixtieq insellem lill-voluntiera, lill-professjonisti u lill-organizzazzjonijiet kollha li kuljum jagħmlu differenza fil-ħarsien xieraq tal-annimali. Grazzi wkoll lill-familji u l-komunitajiet li ħadu sehem f’din iċ-ċelebrazzjoni, u li b’hekk ikomplu jsaħħu l-messaġġ ta’ rispett u responsabbiltà lejn l-annimali. Bħala Gvern se nibqgħu naħdmu biex inrawmu soċjetà b’aktar rispett lejn kull annimal.”

Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said faħħret il-parteċipazzjoni f’Festa Annimali, partikolarment tal-familji li attendew flimkien mal-annimali domestiċi tagħhom. Hija sostniet dwar l-importanza ta’ dawn l-inizjattivi biex titqajjem aktar kuxjenza u biex anke tippromwovi l-adozzjoni tal-annimali. “Flimkien, l-Animal Honours Awards u Festa Annimali jgħinu sabiex tinħoloq aktar kuxjenza filwaqt li jintwera l-apprezzament lil dawk li jaħdmu fil-qasam, fejn dan ikompli jikkonferma mill-ġdid l-impenn tal-Gvern biex irawwem soċjetà responsabbli u b’kompassjoni lejn l-annimali,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport