Thursday, December 26, 2024

Jittripplaw ir-ritratti online ta’ abbuż sesswali fuq it-tfal

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Rapport ta’ tħassib mill-Internet Watch Foundation għas-sena 2021…

Tagħrif miġbur u ppubblikat mill-Internet Watch Foundation (IWF) dwar materjal ta’ natura abbużiva u sesswali fuq it-tfal ħareġ realtà ta’ tħassib kemm għall-awtoritajiet, kif ukoll għall-ġenituri kollha madwar id-dinja. Is-sena l-oħra IWF kellha tieħu azzjoni fuq aktar minn kwart ta’ miljun (250,000) URL li wħud minnhom kellhom eluf ta’ ritratti u vidjows ta’ materjal espliċitu u llegali fejn jidħlu minuri.

Ikkomparat mal-150,000 fis-sena 2020 u l-130,000 fis-sena 2019, iż-żieda rreġistrata s-sena l-oħra hija tassew allarmanti. F’rapport fuq “The Post” jingħad li l-IWF investigat aktar minn 360,000 rapporti li huwa aktar mit-total tal-każijiet kollha f’daqqa li qatt kellha fl-ewwel 15-il sena minn mindu twaqqfet u sabet ammont kbir u ta’ “self generated images”. Dawn it-tip ta’ ritratti huma meta adult ma jkunx preżenti fiżikament fil-kamra meta jittieħdu r-ritratti u ġeneralment jinġibdu jew mill-webcam, jew fuq it-telefon jew inkella fuq it-tablet. 

Fl-2021 kien hemm żieda ta’ 167% ta’ dawn it-tip ta’ ritratti li jinvolvu minuri ta’ bejn il-11 u t-13-il sena u 235% ta’ tfal bejn is-7 u l-10 snin. Dan ifisser li fl-2021 l-IWF sabet aktar minn 170,000 ta’ self generated images li fihom jidhru tfal li għandhom inqas minn 13-il sena. Dan huwa ammont kbir meta tqabblu mas-sena preċedenti fejn kien hemm 60,000 u ferm inqas mit-38,000 fl-2019.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ din il-Fondazzjoni, Susie Hargreaves, temmen li l-lockdowns kellhom rwol f’din iż-żieda minħabba li t-tfal qattgħu ħafna ħin fuq apparat teknoloġiku waħidhom fil-kmamar u l-ġenituri ma kienux konxji li dan wassal għal aktar perikli ta’ abbuż online fuq l-ulied.

Ix-xahar li għadda l-artista ta’ fama internazzjonali, Billie Eilish, iddikjarat li l-espożizzjoni li kellha għall-pornografija fl-età ta’ 11-il sena “kisritilha moħħha u affetwatilha b’mod negattiv ħafna fil-mod kif tħares lejn is-sess”. Ħafna nies taw it-tort lill-ġenituri tagħha iżda f’”The Post” jingħad li r-realtà hija li aktar minn nofs it-tfal ta’ 11-il sena jaraw il-pornografija u li dan l-ammont wisq probabbli huwa aktar. 

L-informazzjoni mill-IWF għandha tittieħed bis-serjetà. Din il-fondazzjoni qiegħda tappella biex il-ġenituri jiffaċċjaw din ir-realtà perikoluża u jieħdu kull prekawzjoni possibbli biex jipproteġu lil uliedhom. Pass important f’dan ir-rigward huwa li l-użu tat-teknoloġija fl-ulied għandu jkun dejjem superviżjonat.

Ekonomija

Sport