Thursday, January 15, 2026

Jitwaqqaf il-Police Support Response Team

Għajnuna 24/7 lill-familjari ta’ vittmi ta’ reati serji

Aqra wkoll

Il-familji tal-vittmi ta’ reati serji, issa qegħdin jingħataw l-aħbar u l-għajnuna kollha neċessarja minn tim li twaqqaf apposta fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, il-Police Support Response Team, b’ħidma mal-Victim Support Agency. Aġenzija li twaqqfet ħames snin ilu minn dan il-Gvern biex tiżdied l-attenzjoni fuq il-vittmi parallel mal-attenzjoni li jingħataw dawk li jwettqu reat biex jiġu rijabilitati.

Is-Support Response Team jipprovdi assistenza fuq il-post, 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa, lil familji li jkunu għaddejjin minn sitwazzjonijiet traġiċi, f’mumenti ta’ xokk u vulnerabbiltà. It-tim jaġixxi bħala punt ta’ kuntatt u ta’ komunikazzjoni bejn l-uffiċjali investigattivi u l-familji milquta, filwaqt li joffri appoġġ emozzjonali, prattiku u informattiv.

L-uffiċjali li jiffurmaw parti mis-Support Response Team irċevew taħriġ speċjalizzat fuq il-kunċett u l-operat ta’ dawn it-tip ta’ timijiet, mogħti minn uffiċjali tal-pulizija tar-Renju Unit, b’esperjenza diretta f’servizzi ta’ appoġġ lill-vittmi. Dan it-taħriġ assigura li l-operat tas-Support Response Team f’Malta jkun ibbażat fuq prattiċi internazzjonali filwaqt li huwa adattat għar-realtajiet u l-bżonnijiet lokali.

L-irwol tagħhom jinkludi li jibnu relazzjoni ta’ fiduċja mal-familji affettwati, it-tqassim ta’ informazzjoni u kif ukoll li joffru l-appoġġ, inkluż li jakkumpanjaw lill-familjari kif u fejn meħtieġ. Inkluż fil-proċeduri fil-qorti filwaqt li jipprovdu gwida dwar servizzi ta’ appoġġ, inkluż riferiment, bil-kunsens tal-persuni involuti.

Dan it-tim ma jwettaqx irwol investigattiv, iżda jaħdem f’koordinazzjoni sħiħa mal-uffiċjali responsabbli mill-investigazzjoni u mal-Victim Support Agency (VSA), filwaqt li jassigura li l-bżonnijiet tal-familji jiġu indirizzati b’dinjità u rispett.

L-uffiċjali tas-Support Response Team jiġu msejjħa f’każijiet bħal inċidenti fatali fit-traffiku, omiċidji, diżastri, suwiċidji u f’inċidenti kritiċi oħra fejn il-preżenza tagħhom tista’ ttejjeb ir-rispons tal-pulizija.

Minn Ġunju 2025 ’l hawn, is-Support Response Team diġà assista 310 persuni, filwaqt li 46 persuna ġew riferuti għal servizzi esterni ta’ appoġġ.

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri fisser kif dan is-servizz juri kemm il-mod kif jaħdem il-Korp tal-Pulizija evolva fl-aħħar snin u kemm inbidel għall-aħjar. Kemm il-viżjoni fl-istrateġija ta’ trasformazzjoni biex nagħtu direzzjoni ġdida lill-Korp tal-Pulizija, hi waħda li twettqet u issa qed inkomplu nibnu fuqha.

“Il-komunità fiċ-ċentru. U l-komunità hi magħmula min-nies. Għalhekk nemmnu f’servizz li jdur mal-ħtiġijiet tan-nies. Fil-prevenzjoni fuq quddiem nett, iżda wkoll fil-mumenti diffiċli. U mumenti diffiċli se jkollok dejjem. Kull meta ħabbarna servizz ġdid, kull meta ġibna riżorsi jew għodod ġodda, kull meta rriformajna, dejjem emfasizzajna li nagħmlu kemm nagħmlu bidliet pożittivi, se jibqa’ jkollok dawk l-inċidenti mhux mixtieqa. Se jibqa’ jkollok dawk l-inċidenti sfortunati, jew dawk l-atti koroh, li għalkemm ma jissimbolizzawx lis-soċjetà tagħna, jaħsduha. Illum qed nitkellmu fuq servizz maħsub biex il-vittmi f’dawn iċ-ċirkostanzi nagħtuhom appoġġ aħjar, mill-ewwel mumenti li fihom tissejjaħ il-pulizija,” sostna l-Ministru Camilleri.

“Dan is-servizz speċjalizzat seta’ jiġi mniedi wkoll għax fl-aħħar snin bħala Gvern emfasizzajna u sħaqna, u insistejna li l-Pulizija trid isservi l-core duties tagħha. Għax hekk biss stajna nwessgħu s-servizzi speċjalizzati fejn in-nies huma fiċ-ċentri tal-bidliet li qed nagħmlu. U mhux se nieqfu nkomplu ntejbu s-servizz. Hekk inkabbru l-fiduċja fil-Korp u fuq kollox hekk inwieġbu aħjar għall-missjoni tagħna lkoll, li nservu liċ-ċittadin,” temm jgħid il-Ministru Camilleri.

Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà sostna li, “Għal bosta snin il-Korp tal-Pulizija ffoka prinċiparjament fuq is-suspettati tal-kriminalità. F’dawn l-aħħar snin rajna kif poġġejna iżjed lill-vittmi fiċ-ċentru tal-operat tagħna. Bdejna bil-Victim Support Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, li llum jagħmel parti mill-Victim Support Agency u issa tellaqna dan is-servizz tal-Police Support Response Team li qed joffri assistenza fuq il-post lill-familji waqt inċidenti jew sitwazzjonijiet diffiċli.”  

Is-Supretendent Sylvana Gafà li tmexxi dan it-tim sostniet li, “Dan is-servizz speċjalizzat qed jiġi offrut minn uffiċjali imħarrġa apposta, kemm biex jagħtu l-aħbar f’sitwazzjonijiet traġiċi u anke biex jagħtu sapport lil dawn il-familji. L-uffiċjal tas-Support Response Team li jmur fuq il-post jibqa’ l-istess wieħed li jżomm kuntatt wara l-każ, fejn apparti jipprovdi l-informazzjoni, wara l-aħbar hemm sensiela ta’ affarijiet u proċeduri li l-familjari jkollhom jgħaddu minnhom, bħal akkumpanjament fil-qorti u anke riferiment għal sapport kontinwu u għaldaqstant l-uffiċjal jibqa’ jżomm kuntatt wara l-każ skont il-bżonn u l-ħtieġa tal-individwi involuti.”

L-uffiċjali li jiffurmaw parti minn dan it-tim esprimew is-sodisfazzjon tagħhom li jwettqu dan ix-xogħol u spjegaw kif il-familjari tal-vittmi jsiru daqslikieku parti mill-familja tagħhom. Fissru ħidmithom bħala vokazzjoni li qed tagħmel differenza fil-ħajja tan-nies fl-aktar mumenti vulnerabbli.

Din l-inizjattiva hija parti mill-Istrateġija Korporattiva tal-Pulizija (2025-2030): Safer Communities Smarter Policing, li tpoġġi l-protezzjoni tal-persuni vulnerabbli, it-tisħiħ tal-fiduċja pubblika u servizz iffukat fuq il-komunità, bħala pilastri ewlenin tal-ħidma tal-Pulizija.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport