Friday, December 27, 2024

Jitwaqqfu 267 vettura waqt spezzjonijiet matul il-lejl li għadda

Aqra wkoll

F’lejl ieħor ta’ spezzjonijiet fit-toroq Maltin, entitajiet diversi kkordinaw biex jissorveljaw il-ħarsien tal-liġi marbut mas-sewqan, sustanzi projbiti u l-immigrazzjoni, fost oħrajn. 

F’numru kbir ta’ spezzjonijiet instab li l-maġġoranza assoluta ta’ dawk imwaqqfa kienu qed iħarsu r-regoli, u fejn ma kinux, ittieħdet azzjoni immedjata. 

Din il-ħidma kienet koordinata mill-Korp tal-Pulizija, flimkien ma’ Transport Malta u l-Aġenzija tal-Infurzar Lokali (LESA.) Hekk kif f’din il-ħidma qed isiru spezzjonijiet ukoll b’rabta mal-immigrazzjoni, kien meħtieġ ukoll l-involviment tas-Servizzi tad-Detenzjoni. 

Matul il-lejl illi għadda l-ispezzjonijiet saru primarjament fiċ-ċentru tal-pajjiż, b’mod partikolari fit-toroq tal-Furjana u l-Belt Valletta, fejn fi ftit sigħat twaqqfu 267 vettura. 

Hawn saru tfittxijiet fil-vetturi mill-klieb, testijiet tal-breathlyzer, spezzjonijiet fuq il-Y Plates u l-permessi relatati, flimkien ma’ verifikazjonijiet tad-dokumenti ta’ residenza b’rabta mal-immigrazzjoni irregolari. 

In-nuqqasijiet li nstabu kienu jvarjaw minn sewwieqa li nqabdu jsuqu mingħajr liċenzja, u b’pusses sempliċi tad-droga. Kien hemm fejn vetturi kienu rmunkati għaliex ma kinux tajba biex jinstaqu fit-triq. 

L-awtoritajiet tal-infurzar saħqu li l-eżerċizzju li qed jgħaqqad diversi entitajiet f’ħidma konġunta huwa wieħed kontinwu, bil-għan li f’Malta u f’Għawdex ikun hawn toroq iżjed sikuri. L-appell jibqa’ dejjem biex ikunu mħarsa r-regolamenti għaliex hekk kulħadd jieħu ħsieb xulxin u jkunu evitati konsegwenzi mhux mixtieqa. 

Il-ħidma tal-infurzar fit-toroq u l-ispezzjonijiet se jitkomplew b’mod konsistenti biex tibqa’ tkun imsaħħa s-sigurtà fit-toroq. 

Ekonomija

Sport