Il-Qorti waqqfet il-proċeduri kriminali kontra raġel ta’ 69 sena, li ġie akkużat li stupra lil martu fuq ix-xewqa tagħha stess.
Kien ix-xahar li għadda meta raġel li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti ġie akkużat li żamm lil martu kontra r-rieda tagħha, li ffastidjaha, attakkaha, insulentaha u kkawżalha biża’ mill-vjolenza.
Ir-raġel kien ċaħda l-akkużi kontra tiegħu filwaqt li martu nformat lill-Qorti li ma kinitx lesta li tixhed kontra tiegħu.
L-Ispettur Christian Cauchi qal quddiem il-Qorti li l-allegat vittma fit-28 ta’ Mejju li għadda kienet marret fiċ-Ċentru tal-Vjolenza Domestika, f’Santa Luċija, sabiex tirrapporta lil żewġha.
Dakinhar il-mara kienet qalet lill-ħaddiema soċjali esperjenzi rawmatizzanti li għaddiet minnhom fosthom meta l-akkużat għamlilha sikkina tal-butir ma’ għonqha u heddidha Hija kienet qalet ukoll li żewġha kien qed jissuspetta li kienet qed tara lil xi ħaddieħor u beda jgħir, tant spiċċa heddidha li joqtolha u jidfinha.
Skont ir-rapport li kienet għamlet il-mara, għalkemm huma koppja miżżewġin, huma ma kinux jorqdu flimkien, iżda allegat li żewġha ġieli kien imur fil-kamra tagħha u jabbużaha.
Minkejja li l-Qorti kienet kontra l-idea li jitwaqqaf il-każ u li avżatha li, jekk il-proċeduri jieqfu, ma tkunx tista’ toffrilha protezzjoni, il-mara insistiet li ma kinitx se tixhed kontrih.
Il-Maġistrat Abigail Critien laqgħet it-talba biex jitwaqqfu l-proċeduri kontra l-akkużat.