Wednesday, April 23, 2025

Jitwettqu żewġ miżuri soċjali oħra mill-Budget 2025

Aqra wkoll

Fi tmiem din il-ġimgħa qed jitwettqu żewġ miżuri soċjali oħra mill-Budget 2025. L-ewwel miżura tolqot lill-persuni b’diżabilità li huma pensjonanti, eżattament dawk il-persuni li qabel bdew jirċievu pensjoni kontributorja għax ikunu laħqu l-età tal-irtirar, kienu jirċievu xi forma ta’ Assistenza għal Diżabilità jew Pensjoni għal Korriment fuq ix-Xogħol u twaqqfitilhom minħabba l-pensjoni.

Bis-saħħa ta’ wegħda fil-Manifest Elettorali, Malta Flimkien, u miżura tal-Budget 2025, mil-lum ’il quddiem dawk il-persuni kollha li kienu jew ikunu jirċievu xi forma ta’ Assistenza għal Diżabilità jew Pensjoni għal Korriment fuq ix-Xogħol, hekk kif jibdew jirċievu pensjoni kontributorja, ser jibqgħu jirċievu parti mill-ħlas li kienu jirċievu qabel.

F’dan is-sens, persuni bħal dawn li jibdew jirċievu l-pensjoni kontributorja, li tista’ tkun jew tal-irtirar inkella tar-romol jekk il-persuna armla tkun laħqet l-età tal-irtirar, se jieħdu żieda fil-pensjoni tagħhom ta’ mhux anqas minn 10% tal-benefiċċju li kienu intitolati għalih qabel laħqu l-età tal-irtirar. B’din iż-żieda addizzjonali, il-pensjoni kontributorja li jirċievu ma tkunx inqas mill-Paga Minima Nazzjonali (jew pro-rata ta’ din skont in-numru ta’ kontribuzzjonijiet imħallsa jew akkreditati).

Tajjeb jingħad li minn din il-miżura ser jibbenefikaw inizjalment total ta’ 467 persuna li llum jirċievu pensjoni kontributorja u qabel dan kienu jirċievu xi forma ta’ Assistenza għal Diżabilità jew Pensjoni għal Korriment. 

Il-benefiċjarji li qegħdin jirċievu Pensjoni tal-Irtirar jiġifieri 435 persuna, ser jirċievu ittra bl-informazzjoni u l-ħlas flimkien mal-arretrati dovuti mill-4 ta’ Jannar 2025, u dawn se jitħallsu fis-26 ta’ April. Il-benefiċjarji li qegħdin jirċievu Pensjoni tar-Romol jiġifieri 32 persuna, se jirċievu ittra bl-informazzjoni u l-ħlas flimkien mal-arretrati dovuti mill-4 ta’ Jannar 2025, u dawn se jitħallsu fit-3 ta’ Mejju.

Dawn il-benefiċjarji fil-biċċa l-kbira tal-każi se jirċievu żidiet fil-pensjoni li jvarjaw minn €1.14 fil-ġimgħa sa €13.29 fil-ġimgħa b’effett mill-4 ta’ Jannar 2025. F’xi każi oħra se jkunu qed jitħallsu żidiet ogħla hekk kif il-pensjoni tagħhom se tiżdied sal-livell tal-Paga Minima Nazzjonali, sħiħa jew pro-rata. Dawk li jkunu qed jibbenefikaw minn din il-miżura se jibqgħu jiżdiedu fin-numru hekk kif aktar benefiċjarji ġodda jiżdiedu kull sena malli jilħqu l-età tal-irtirar. 

Intant, miżura oħra soċjali li qed titwettaq mill-Budget 2025 hija dik li tolqot lil dawk il-kapijiet ta’ familja li qegħdin fuq l-Għajnuna Soċjali minħabba li ma jistgħux jaħdmu u dan għaliex għandhom kundizzjoni medika serja. Dawn issa se jkunu jistgħu japplikaw permezz ta’ applikazzjoni ġdida li tħejjiet u bi proċess ġdid li qed jitnieda din il-ġimgħa. B’dan il-mod, dawn il-persuni issa se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn ħlas ogħla tal-benefiċċju soċjali tagħhom, jekk it-tobba tad-Dipartiment jikkunsidrawhom li għandhom inkapaċità għax-xogħol fuq l-istess livell li biha persuna tkun approvata għall-Pensjoni tal-Invalidità. Fil-fatt, l-evalwazzjoni medika se tibda ssir mill-istess tobba li jevalwaw it-talbiet għall-Pensjoni tal-Invalidità.

Permezz ta’ din ir-riforma, wara li l-applikant jiġi assessjat medikament permezz tat-Tabelli għall-Indeboliment li huma parti mill-Att dwar is-Sigurtà Soċjali, jekk il-kap tal-familja jikkwalifika medikament, il-ħlas tal-Għajnuna Soċjali tiegħu jiżdied b’€5.00 fil-ġimgħa għal kull membru addizzjonali li jkun hemm fil-familja. Din iż-żieda titħallas flimkien mal-ħlas normali tal-Għajnuna Soċjali u tkun b’lura mill-1 ta’ Jannar 2025 jew minn meta jkun beda jieħu l-Għajnuna Soċjali jekk wara l-1 ta’ Jannar 2025. 

Dan ifisser li kap ta’ familja li jgħaddi minn tali skrutinju mediku, b’żieda mar-rata bażika ta’ €139.13 fil-ġimgħa għal persuna waħidha, se jibda jirċievi €13.15 fil-ġimgħa addizzjonali minflok €8.15 bħalma jirċievi llum u dan għal kull membru addizzjonali fil-familja.

Biex nagħtu ftit eżempji skont daqs tipiku ta’ familja, tali familji se jirċievu;

•           €13.15 fil-ġimgħa addizzjonali minflok €8.15 f’każ ta’ koppja jew familja ta’ 2 persuni;

•           €26.30 fil-ġimgħa addizzjonali minflok €16.30 f’każ ta’ familja ta’ 3 persuni;

•           €39.45 fil-ġimgħa addizzjonali minflok €24.45 f’każ ta’ familja ta’ 4 persuni u

•           €52.60 fil-ġimgħa addizzjonali minflok €32.60 f’każ ta’ familja ta’ 5 persuni.

Fl-aħħar snin iddaħħlu diversi miżuri sabiex jinċentivaw lil dawk fuq l-Għajnuna Soċjali biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Dawn il-miżuri kienu suċċess kbir tant li dawk fuq l-Assistenza Soċjali niżlu minn aktar minn 15,000 fl-2013 għal ftit aktar minn 5,000 illum. Dan ġara minħabba li dawn il-persuni daħlu fid-dinja tax-xogħol. Minkejja dan, il-Gvern jibqa’ sensittiv għal dawk li ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn il-miżuri minħabba kundizzjonijiet serji ta’ mard. B’din il-miżura l-ġdida se jkunu megħjuna aktar dawn in-nies.

Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon tenna li fl-aħħar snin il-politika soċjali tal-Gvern immirat li mhux biss tgħin lil ħafna, bħal fil-każ tal-pensjonanti u familji bit-tfal, imma wkoll lil gruppi żgħar ta’ nies bħal dawn li se jintlaqtu b’dawn il-miżuri l-ġodda. Dan l-approċċ immirat għal gruppi vulnerabbli partikolari, żgħar kemm huma żgħar, jiddistingwi r-ruħ soċjali ta’ dan il-gvern, sostna l-Ministru Falzon.

Huwa temm jirringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-ministeru, u f’dan il-każ lill-ħaddiema tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, tal-ħidma tagħhom biex iwettqu l-miżuri tal-Budget u anke tal-Manifest Elettorali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport