Il-Kummissjoni Elettorali, Rekords u Data tal-Partit Nazzjonalista tgħarraf li sas-1pm kienu vvutaw 66% tat-tesserati eliġibbli biex jivvutaw fl-elezzjoni għal Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista.
Il-votazzjoni tal-lum, f’jum l-elezzjoni, issegwi l-votazzjoni bikrija li saret nhar l-Erbgħa 27 ta’ Awwissu u nhar is-Sibt 30 ta’ Awwissu. Il-persentaġġ approssimattiv ta’ 66% jinkludi wkoll lil dawk li ħarġu jivvutaw fl-ewwel jumejn.
It-total ta’ votanti eliġibbli jammonta b’kollox għal madwar 20,700.
Illum, it-tesserati bid-dritt tal-vot jistgħu jitfgħu l-vot tagħhom bejn id-9am u s-7pm fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista u l-Każini tal-PN f’Ħal Safi, Ħal Tarxien u l-Imġarr f’Malta, u bejn id-9am u l-5pm fis-Sub Hdqs tal-Partit Nazzjonalista f’Ta’ Sannat, Għawdex.