Tuesday, September 24, 2024

Tkompli l-Inkjesta pubblika b’rabta mal-qtil ta’ DCG

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Aktar kmieni kompliet l-inkjesta pubblika fuq l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fost dawk li mistennija jagħtu x-xhieda tagħhom hemm l-Assistent Kummissarju tal-Pulizija Carmelo Magri, li sa ftit jiem ilu kien Aġent Kummissarju qabel ma laħaq Kummissarju Angelo Gafà u l-Ispettur Kurt Zahra li huwa wieħed mill-investigaturi ewlenin f’dan il-każ.

Se jixhed ukoll l-Avukat Michael Grech mit-Teatru Manoel.

“L-iskritt ġie rrifjutat għax is-sitwazzjoni ta’ DCG għadha għaddejja” – Michael Grech, iċ-Chairman tat-Teatru Manoe

L-ewwel xhud tal-lum huwa Michael Grech, iċ-Chairman tat-Teatru Manoel. Grech intalab jixhed minħabba proposta għal dramm biex jittella’ fit-Teatru Manoel bl-isem “Min Qatel lil Daphne Caruana Galizia?” Id-dramm kitbu Mario Philip Azzopardi. 

 Iċ-Chairman jgħid li fl-2016 irċieva skritt bl-isem “Min Qatel lil Daphne Caruana Galizia?” Dan kien madwar sena u nofs qabel l-assassinju. Hu rrifjuta mill-ewwel li jittella’ dan id-dramm, iżda ta struzzjonijiet sabiex il-proposta tiġi diskussa mill-Bord tat-Teatru Manoel. Ġiet irrifjutata mill-ewwel. Spjega li ħass li d-dramm kellu jiġi rrifjutat u lanqas biss ried iħares lejn l-iskritt.

Fl-aħħar xhur, ġie propost skritt ieħor mill-kumpanija Staġun Teatru Malti mmexxija minn Azzopardi, bl-isem “Ix-Xiħa.” Grech jgħid li qara l-iskritt u kien hemm karattru jixbah lil dak ta’ Daphne Caruana Galizia u eventwalment dan ġie rifjutat ukoll.

Mistoqsi għaliex l-iskritt ġie rifjutat, Grech jispjega li l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia huwa sitwazzjoni li għadha għaddejja, u għalhekk ma jaħsibx li hi idea tajba li jittella’ dramm fuq hekk.

Jixhed l-armel Caruana Galizia … jippreżenta filmat li juri li Keith Schembri ma kienx ma’ Muscat meta sar jaf bil-qtil

Wara Grech kien imiss lill-armel tal-ġurnalista, Peter Caruana Galizia li jixhed dwar kif Keith Schembri, L-eks Chief of Staff tal-eks PM Muscat kien infurmat bil-qtil. Peter Caruana Galizia jispjega dwar riċerka li għamel binhom u filmat li juri li Schembri ma kienx ma Muscat meta sema’ bil-qtil.

Fil-filmat wieħed jista’ jara d-data u l-ħin ta’ xħin kien qiegħed isir il-filming. Galizia jgħid li fis-57 sekonda jidher li l-attività kienet qiegħda tiżvolġi f’Tas-Sliema fit-3:13 p.m fis-16 t’Ottubru tal-2017. Preżenti kien hemm il-Ministru Silvio Schembri u l-eks Ministru Chris Cardona.

Dan meta fil-Qorti din il-ġimgħa Schembri qal li kien ma’ Muscat u mal-Kap tal-Komunikazzjoni tiegħu Kurt Farrugia meta sema’ bil-qtil.

YouTube video

L-Ispettur Zahra jitkellem dwar l-importanza tal-blog fil-ħajja ta’ DCG

Wara l-armel tal-vittma kien imiss jixhed l-Ispettur Zahra. F’summarju dwar il-karriera tiegħu qal li hu kien ilu uffiċjal tal-pulizija għal 17-il sena, u minn Kuntistabbli laħaq Spettur. Oriġinarjament kien jaħdem fuq kriminalità organizzata u fuq kriminalità marbuta mal-propjetà. Fi Frar tal-2017, huwa ntalab jingħaqad mal-Iskwadra tal-Omiċidju.

Mistoqsi mill-Imħallef Lofaro dwar min kien is-superjur immedjat tiegħu meta seħħ il-qtil huwa wieġeb li kien jirraporta lill-Assistent Kummissarju Kevin Farrugia, lid-Deputat Kummissarju Silvio Valletta u lill-Kummissarju nnifsu.

Zahra jsemmi dwar l-importanza li l-blog kellu fil-ħajja ta’ Daphne u li għalhekk tqabbdu esperti biex jaħdmu fuq l-istejjer li kienet tirraporta dwarhom. Mistoqsi dwar jekk kienx hemm żmien li bħala qarrej, immaġinax li setgħet tiġri xi ħaġa hekk. Jissemmew ukoll l-karozzi bomba li saru dak iż-żmien u li kienu marbutin ma’ klikek.

Comodini Cachia staqsiet dwar il-briefings li kienu jsiru lill-Prim Ministru u lill-uffiċjali tal-OPM fuq il-qtil. Zahra jispjega li hu qatt ma’ mar imma infurmat bihom. Xi drabi kien imur Silvio Valletta, u drabi oħra Keith Arnaud.

Zahra kompla biex jgħid li l-Pulizija kienet taf bit-tlett irġiel akkużati bil-qtil, iżda ma kienx hemm biżżejjed provi biex dawn jiġu akkużati.

L-Ispettur ikompli jgħid li ma kinux jieħdu gost isiru jafu bil-leaks, pereżempju fil-każ tar-rejd li sar fuq it-tinda tal-patata. Kompla jispjega li t-tim investigattiv kurrenti ma kienx involut sakemm ġew arrestati t-tlett irġiel akkużati bil-qtil.

L-Ispettur ikkonferma li hu konxju li Yorgen Fenech kien infurmat bit-termini u l-kundizzjonijiet tal-maħfra presidenzjali ta’ Melvin Theuma. L-avukat Azzopardi jistaqsi fuq is-sim cards użati mit-tliet akkużati u Zahra jwieġeb li dawn kienu nxtraw fl-2016.

Zahra jkompli jixhed fil-magħluq.

L-inkjesta se tkompli nhar il-Ġimgħa li ġej fid-9.30 a.m.

Sport