Monday, December 15, 2025

Jiżdied bil-qawwi x-xiri online … Stħarriġ Ewropew isib li r-rata f’pajjiżna hija ta’ 61.7%

Aqra wkoll

F’dawn iż-żminijiet ta’ festi fejn ix-xiri tar-rigali jkun fl-aqwa tiegħu, tara n-nies iduru mal-ħwienet. Però, aktar milli l-konsumaturi qegħdin jagħżlu li jixtru mill-ħwienet tradizzjonali, qegħdin jippreferu jixtru l-bżonnijiet tagħhom online. Din it-tendenza “ġdida” ġiet ikkonfermata fl-aħħar stħarriġ tal-Eurostat fejn irriżulta li f’pajjiżna 61.7% xtraw prodotti jew servizzi online. Dan il-persentaġġ għoli ma ġiex irreġistrat f’pajjiżna biss, iżda fl-Ewropa kollha b’mod ġenerali.

L-istħarriġ għas-sena 2024, li ta ħarsa lejn 23 reġjun tal-Unjoni Ewropea, sab li mill-inqas 80% tal-popolazzjoni ta’ bejn is-16 u l-74 sena ordnat oġġetti jew servizzi fuq l-internet fit-tliet xhur ta’ qabel, jiġifieri f’Ottubru, f’Novembru u f’Diċembru tal-2023. Madwar nofs dawn it-23 reġjun kienu fl-Olanda (it-12-il reġjun kollha). Il-bqija kienu fid-  Danimarka (erba’ reġjuni), fl-Irlanda (it-tliet reġjuni kollha), fl-Iżvezja (tliet reġjuni) u fir-reġjun kapitali Ċeka ta’ Praga.

Ir-reġjun ċentrali Olandiż ta’ Utrecht kellu l-ogħla sehem ta’ persuni li ordnaw oġġetti jew servizzi fuq l-internet (91.5%). Ir-reġjun ġar tiegħu ta’ Flevoland (89.5%) kellu t-tieni l-ogħla sehem. Dan tal-aħħar kien segwit mir-reġjun Irlandiż tat-Tramuntana u tal-Punent b’perċentwal ta’ 88.3%.

Eżempji ta’ pajjiżi b’rata ta’ xiri online viċin dik ta’ pajjiżna (61.7%) kien hemm Bayern fil-Ġermanja b’rata ta’ 60.2%; Etela-Suomi fil-Fillandja 60.8%; Cataluna fi Spanja 62.5%; Corse 63%.  

F’21 reġjun tal-UE, inqas minn 40% tal-popolazzjoni ordnat oġġetti jew servizzi fuq l-internet. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn ir-reġjuni jinsabu fil-Lvant u fin-Nofsinhar tal-UE, inklużi r-Rumanija (sitt reġjuni), il-Bulgarija (ħamsa) u n-Nofsinhar tal-Italja (sitta). Din il-kategorija kienet tinkludi wkoll tliet reġjuni ultraperiferiċi ta’ Franza u reġjun awtonomu wieħed tal-Portugall.

Ir-reġjun Bulgaru ta’ Yugoiztochen kellu l-inqas sehem ta’ persuni li ordnaw oġġetti u servizzi fuq l-internet (21,7%). Kien hemm żewġ reġjuni oħra fl-UE b’ishma ta’ inqas minn 25%. Dawn kienu r-reġjun tal-Karibew ta’ Guadeloupe b’24.2% u r-reġjun Bulgaru tal-Majjistral ta’ Severozapaden (24.9%).

Opportunità ta’ kompetizzjoni effiċjenti

Iż-żieda qawwija fix-xiri kemm ta’ oġġetti kif ukoll servizzi online kkonfermata f’dan l-istħarriġ turi li aktar minn 60% tal-konsumaturi lokali qegħdin jagħżlu dan il-mezz, mezz li mal-ewwel daqqa t’għajn wieħed jista’ jarah biss bħala impatt ekonomiku immedjat. Il-ħwienet tagħna, li għal snin twal kienu l-mutur tal-kummerċ fit-toroq tagħna, qegħdin jaffaċċjaw sfidi dejjem jikbru u dan kawża ta’ diversi fatturi. 

Fattur minnhom jista’ jkun proprju x-xiri online għax tonqos l-attività kummerċjali interna bi tnaqqis fil-bejgħ, għeluq ta’ ħwienet u konsegwentement telf ta’ impjiegi. Dan awtomatikament imiss lill-ekonomiji lokali li ħafna drabi jiddependu fuq negozji żgħar u familji biex iżommu ċ-ċirkolazzjoni tal-flus fil-komunità.

Ta’ min isemmi li t-tnaqqis fil-moviment tan-nies fil-ħwienet iwassal ukoll għal effetti indiretti fuq setturi oħra bħall-kafetteriji, ir-ristoranti u s-servizzi relatati. Meta tonqos il-frekwenza tan-nies fiċ-ċentri kummerċjali jew fiż-żoni tan-negozji, jonqos ukoll il-konsum b’mod ġenerali.

Madankollu, minkejja dawn l-isfidi, ix-xiri online għandu lati pożittivi li ma jistgħux jiġi injorati. F’era globali u diġitalizzata, dan il-mudell ta’ konsum joffri firxa usa’ ta’ prodotti, prezzijiet aktar kompetittivi u konvenjenza sostanzjali għall-konsumatur modern. Barra minnhekk, ħafna negozji lokali qegħdin jadattaw billi jiftħu pjattaformi online tagħhom stess u b’hekk joħolqu mudell “hybird” li jgħaqqad l-aħjar miż-żewġ dinjiet. Dan mhux biss jippermettilhom jilħqu swieq akbar imma, jagħtihom ukoll l-opportunità li jikkompetu b’mod aktar effiċjenti. 

B’dan il-mod, ix-xiri online, jekk użat tajjeb, jista’ jsir katalist għall-innovazzjoni u t-tkabbir ekonomiku aktar milli theddida għall-kummerċ lokali. Il-progress u l-era moderna jġibu magħhom diversi bidliet li għalkemm għall-ewwel jistgħu jkunu ta’ sfida, jekk nevolvu u nisfruttaw l-għodod ġodda, finalment jirriżultaw fi gwadann aktar milli telf.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport