Il-gvern se jkun qiegħed jgħolli l-ammont tas-self mingħajr imgħax fuq id-depożitu tal-10% lill-first-time buyers. Ħabbar dan il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar wegħda elettorali oħra fil-manifest Malta Flimkien.
Il-Ministru Galdes spjega li din iż-żieda fl-ammont tfisser li se jkunu qed jgħollu d-depożitu massimu li lesta tkopri l-Awtorità tad-Djar minn €17,500 għal €22,500. B’hekk il-first-time buyers li jibbenefikaw minn din l-għajnuna, issa se jkunu jistgħu jakkwistaw proprjetà li l-valur tagħha jista’ jlaħħaq l-€225,000.
“It-tisħiħ ta’ din l-iskema huwa eżempju ċar tal-viżjoni ta’ dan il-gvern, dik li ħadd ma jitħalla jaqa’ lura,” sostna l-Ministru Galdes, filwaqt li enfasizza kif dan it-tisħiħ huwa xprunat mid-djalogu kontinwu maż-żgħażagħ u r-rieda li jwettqu flimkien il-ħolma li aktar nies isiru sidien tal-ewwel dar tagħhom.
Huwa tenna kif din l-iskema hija parti minn kullana wiesgħa ta’ għajnuniet differenti li l-gvern qiegħed joffri biex aktar persuni jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom u jsiru sidien ta’ darhom, fosthom:
- Eżenzjoni fuq it-taxxa tal-boll;
- Għotja ta’ €15,000 jekk il-proprjetà tkun fil-qalba ta’ raħal f’Malta jew €30,000 jekk il-proprjetà tkun fuq il-qalba ta’ raħal f’Għawdex;
- Għotja ta’ €10,000, b’pagament ta’ €1,000 fis-sena fuq medda ta’ 10 snin.
L-għan ta’ din l-iskema, li tnediet fl-2020, hi li tgħin lill-first-time buyers li għandhom taħt l-40 sena, li minkejja li huma eliġibbli għal self mill-bank fuq proprjetà, ma jkollhomx il-likwidità meħtieġa biex iħallsu d-depożitu meħtieġ ta’ 10% fuq l-iffirmar tal-konvenju biex b’hekk isiru sidien ta’ darhom.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Matthew Zerafa qal li l-ħidma tal-Awtorità tad-Djar ma tiqafx mal-introduzzjoni ta’ skemi ġodda iżda konsistentament tibqa’ tara kif dawn jibqgħu jissaħħu matul iż-żmien. Huwa saħaq li sal-lum, din l-iskema diġà għenet aktar minn 200 familja jsiru sidien ta’ darhom, u permezz ta’ dan it-tisħiħ se jibqgħu jippremjaw il-bżulija u jassiguraw li din l-iskema tkun kapaċi tilqa’ għan-neċessitajiet tas-snin li ġejjin.