Sunday, December 22, 2024

Jiżdied il-ġbir fil-Knejjes… jonqsu d-donazzjonijiet

… l-Arċidjoċesi żżid is-sussidji lill-entitajiet tagħha b’33%

Aqra wkoll

Minkejja li s-sena li għaddiet l-Arċidjoċesi ta’ Malta żdidilha d-dħul bi kważi nofs miljun ewro mill-ġbir fil-Knejjes, b’danakollu fl-istess perjodu esperjenzat tnaqqis f’dawk li huma donazzjonijiet u ġbir ta’ fondi oħra meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Fl-istess waqt, id-Dar tal-Providenza u l-Caritas kellhom jirrikorru għall-fondi akkumulati wara li rreġistraw defiċits għall-istess sena. 

Dan sar magħruf mir-rapport finanzjarju tal-Arċidjoċesi ta’ Malta għall-2023 li kien ippreżentat f’konferenza tal-aħbarijiet mis-Segretarju Amministrattiv Michael Pace Ross. Mill-istess rapport ħareġ illi filwaqt li s-sena l-oħra l-Knisja nefqet €6.04 miljuni aktar mis-sena ta’ qabel, din in-nefqa għamlet tajjeb għaliha dħul ta’ madwar €7.3 miljuni. 

Sadanittant, is-Sur Pace Ross qal li l-Arċidjoċesi qiegħda tagħmel kull sforz biex tgħin lill-familji u lill-individwi li qed ifittxu l-għajnuna kif ukoll qed jitnedew bosta proġetti bil-għan li titkompla l-missjoni tal-Knisja. Dawn jinkludu ħidma ma’ tfal u adoloxxenti, persuni li sofrew vjolenza domestika u forom oħra ta’ abbuż, mal-migranti u ma’ dawk li qed ifittxu rijabilitazzjoni minn abbuż ta’ sustanzi u vizzji oħra. 

Huwa spjega kif l-Arċidjoċesi – li tiġbor fiha madwar 120 entità u timpjega 1,369 ħaddiem – żiedet ukoll is-sussidji lid-djar tat-tfal tagħha b’€180,000, minkejja li rreġistrat żbilanċ ta’ €325,000. Qal ukoll li “kien hemm għajnuniet oħra. Permezz tal-inizjattiva LOOP Djakonija Parroċċi, 870 persuna rċevew provvisti tal-ikel u 380 ingħataw ħwejjeġ.

“Is-sena li għaddiet il-Knisja fetħet ukoll il-Kċina ta’ Marta fis-Seminarju tal-Arċisqof f’Tal-Virtù – immexxija minn LOOP – Djakonija Parroċċi bl-għajnuna ta’ tim ta’ voluntiera dedikati u Alfred Mizzi Foundation – li tipprovdi aktar min 1,200 ikla fil-ġimgħa lill-persuni fil-bżonn.

“Barra minn hekk, il-parroċċi Maltin irċevew aktar minn 1,300 talba biex jipprovdu lill-individwi u lill-familji hampers tal-ikel, mediċini, u bżonnijiet oħra. Uħud minn dawn it-talbiet kienu bżonnijiet ta’ darba, filwaqt li oħrajn għadhom għaddejjin.

“Il-Caritas hija eżempju ieħor fejn il-Knisja għenet 1,678 persuna li fittxew servizzi ta’ outreach u rijabilitazzjoni, minbarra servizzi ta’ counselling u social work,” kompla jispjega s-Sur Pace Ross.

Ix-xahar li għadda, l-Arċidjoċesi tat b’komodat Dar Saura fir-Rabat – li kienet residenza għall-anzjani b’valur ta’ €25 miljun – lil The Malta Trust Foundation li se tibdel il-proprjetà f’ċentru tal-mużika u l-arti għal tfal b’diżabilità.

Aktar minn €1 miljun tqassmu fost gruppi vulnerabbli, filwaqt li €7.07 miljun kienu meħtieġa għall-manutenzjoni, restawr u konservazzjoni ta’ proprjetà ekkleżjastika u l-ħarsien tal-patrimonju. 

L-Arċidjoċesi ta’ Malta għenet ukoll lill-vittmi tat-terremoti fis-Sirja u t-Turkija, ospitat saċerdoti barranin f’Casa Fratelli Tutti u ffaċilitat il-parteċipazzjoni ta’ 565 żagħżugħ/a għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’Lisbona. 

Pace Ross qal ukoll li “permezz ta’ dħul minn investimenti diversifikati u etiċi tal-Arċidjoċesi, inkluż dividet mill-APS Bank u minn bejgħ ta’ proprjetà, il-Knisja setgħet tkompli tgħin lil dawk fil-bżonn.”

Il-proġetti ffinanzjati mill-UE ġew koklużi bit-tnedija tar-rotot tal-patrimonju reliġjuż. Barra minn hekk, l-Arċidjoċesi kellha taxxa ta’ €2.5 miljun. 

Matul l-2023, il-parroċċi ta’ Fleur-de-Lys u Marija Reġina fil-Marsa – li kienu taħt it-tmexxija ta’ ordnijiet reliġjużi – għaddew għand l-Arċidjoċesi, filwaqt li Dar Sura waqfet topera bħala dar tal-anzjani fl-aħħar tas-sena. 

Is-Sur Pace Ross qal li s-sena li għaddiet s-swieq finanzjarji kienu instabbli u l-aħħar kwart tal-2023 kien pożittiv. Ir-riżultati kienu aħjar minn dawk imbassra u dan kien riżultat ta’ rkupru ta’ parti mit-telf fuq l-investimenti li kien hemm fl-2022. 

Ekonomija

Sport