Fit-tieni kwart ta’ din is-sena, l-ammont ta’ residenti Maltin li siefru barra mill-pajjiż kienu jlaħħqu l-208,988, żieda ta’ 11.6% meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel. L-iljieli kollha mqattgħin barra l-pajjiż żdiedu bi 23.9% biex laħqu l-1,493,684.
Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) turi li bejn April u Ġunju tal-2025 saru bʼkollox 135,788 safra ʼil barra mill-pajjiż għall-btala; warajhom kien hemm 46,813-il safra li saru għal żjajjar lil ħbieb u qraba. Il-biċċa l-kbira tal-Maltin kellhom bejn il-25 u l-44 sena (44.6 fil-mija), filwaqt li warajhom kien hemm dawk fil-kategorija taʼ bejn il-45 u l-64 sena (31.1 fil-mija).
L-Italja baqgħet l-aktar destinazzjoni popolari mal-Maltin bi kważi 38% filwaqt li l-akbar għadd ta’ ljieli mqattgħin kienu mqattgħin f’akkomodazzjonijiet mhux mikrija.
Sena għal sena, bejn April u Ġunju, l-infiq kollu mill-Maltin li ħarġu ʼl barra mill-pajjiż laħaq il-€206.3 miljuni, li jiġi daqs medja taʼ €987 kull ras.
F’ħarsa lejn is-safar mill-Maltin fl-ewwel nofs ta’ din is-sena, jirriżulta li saru mat-390,000 safra, li huma żieda ta’ 6.1% meta mqabbel mal-istess perjdou tal-2024. L-iljieli mqattgħin minnhom żdiedu bʼ16.8 fil-mija, u laħqu ż-2.8 miljun lejl. In-nefqa totali tal-Maltin tul dan is-safar kienet tlaħħaq it-€377.5 miljun, li jfisser 14.5% aktar minn dak irreġistrat fl-istess perjodu tas-sena ta’ qabel.