Wara s-suċċess tal-użu tar-robotika fl-interventi fil-prostata, l-Isptar Mater Dei kompla jinvesti fit-taħriġ tal-professjonisti tas-saħħa fl-użu tar-robotika f’iżjed oqsma tal-kirurġija. Fil-ġimgħat li għaddew saru l-ewwel operazzjonijiet bl-użu tad-Da Vinci Surgical Robot waqt interventi fil-musrana u fl-istonku u mix-xahar id-dieħel dan ir-robot se jibda jintuża partikolarment għall-operazzjonijiet tal-kanċer f’dawn iż-żewġ partijiet tal-ġisem.
Waqt żjara tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fid-Dipartiment tal-Kirurġija Ġenerali, kien spjegat li permezz tal-assistenza tar-robot, il-kirurgi jaħdmu b’iżjed preċiżjoni u jirnexxielhom jilħqu partijiet tal-ġisem li normalment ikunu diffiċli li topera fuqhom b’mod tradizzjonali.
Id-Deputat Prim Ministru faħħar din l-inizjattiva li minbarra investiment kapitali tirrikjedi wkoll investiment kontinwu fit-taħriġ tal-professjonisti. “B’riżultat ta’ dan l-avvanz fir-riżorsi tal-isptar, il-pazjenti se jkollhom kura tal-ogħla livell, b’inqas feriti wara operazzjoni, inqas uġigħ u rkupru iżjed malajr,” qal il-Ministru Fearne filwaqt li rringrazzja lill-professjonisti kollha li kienu lesti jidħlu għal dan l-eżerċizzju innovattiv. Huwa fakkar ukoll li b’dan l-investiment ta’ madwar €2.5 miljun, bdew isiru numru ta’ operazzjonijiet li qabel ma kinux isiru f’pajjiżna.
S’issa saru mal-50 operazzjoni bl-użu tar-robotika fl-Isptar Mater Dei, filwaqt li huwa mistenni li iżjed professjonisti jingħataw it-taħriġ neċessarju sabiex jiżdiedu t-tipi ta’ operazzjonijiet li jsiru b’dan il-mod.