Minn tal-inqas 19-il persuna tilfu ħajjithom fil-Ġamajka kawża tal-Uragan Melissa. Dan intqal mill-Ministru tal-Informazzjoni Dana Morris Dixon, li spjegat kif l-awtoritajiet għadhom għaddejjin bil-ħidma ta’ salvataġġ f’żoni li huwa l-aktar affettwati.
Qed ikun irrapportat ukoll li l-Uragan Melissa, li huwa wieħed mill-aktar qawwija li laqat il-Karibew, ħalla minn tal-inqas 30 persuna oħra mejta fil-Haiti.
Fil-Ġamajka “hemm komunitajiet sħaħ li jidhru li huma abbandunati u żoni li jidhru meqruda,” qalet Dixon li enfasizzat ukoll ix-xeni “devastanti” li hemm fir-reġjuni tal-punent.
Il-provvista tal-elettriku għadha affettwata f’diversi partijiet tal-gżira, hekk kif in-nies qed jipprovaw isalvaw id-djar li ġarrbu ħsarat kbar u anke l-affarijiet personali tagħhom.
F’partijiet oħra tal-pajjiż, in-nies ilhom mingħajr ilma għal diversi jiem filwaqt li l-ikel kulma jmur qiegħed isir dejjem aktar skars.
Il-provvisti tal-għajnuni bdew jaslu aktar malajr wara li l-operat fl-ajruport ewlieni fil-kapitali Ġamajkana, Kingston, fil-parti l-kbira rritorna lura għan-normal.
Madanakollu, ajruporti reġjonali żgħar, li wħud minnhom jinsabu qeib fejn l-għajnuna umanitarja hi l-aktar meħtieġa, għadhom qed joperaw biss parzjalment.
Għaldaqstant, l-aġenziji tal-għajnuna u l-militar qegħdin iwasslu l-provvisti meħtieġa b’mod urġenti minn Kingston.

