F’dawn l-aħħar snin sar titjib infrastrutturali kbir fit-toroq. Minn proġetti żgħar bħal bini mill-ġdid tat-toroq għal bini ta’ junctions li swew miljuni kbar ta’ ewro sabiex mhux biss it-toroq ikunu adattati għaż-żmien u l-volum tat-traffiku tal-lum imma wkoll kellhom jipprovdu għal aktar sigurtà fit-toroq kemm għas-sewwieqa u dawk li jkunu mexjin fl-istess toroq.
Madankollu, u minkejja l-intenzjoni tajba dwar l-irranġar tat-toroq, f’pajjiżna mhux naqsu, imma żdiedu l-inċidenti stradali li sfortunatament uħud minnhom kienu każi fatali. L-aħħar każ ikun ta’ tfajla ta’ 23 sena mis-Serbja li tilfet ħajjitha wara li ttajret minn karozza tal-linja f’Birkirkara.
Din kienet it-18-il fatalità fi spazju ta’ tmien xhur, mill-bidu tas-sena lil hawn. Dan l-inċident seħħ proprju ftit jiem wara każ simili li seħħ fi Triq Diċembru Tlettax, fil-Marsa.
Bla ma nidħlu fil-merti tal-każijiet kollha li seħħew ma nistgħux imma ma nappellawx għal analiżi serja mill-awtoritajiet kompetenti tat-trasport biex almenu naraw x’inhi r-raġuni li għaliha qed iseħħu dawn l-inċidenti kollha.
Dan l-aħħar innutajna wkoll li qed ikun hawn spiss inċidenti ta’ ħbit li fihom ikunu involuti sewwieqa ta’ muturi u anke tal-famużi ‘e-scooters’. F’dan il-kuntest, hemm bżonn li niflu sew jekk fit-toroq tagħna, għandhomx jiżdiedu l-karreġġjati għal dawn il-mezzi ġodda ta’ trasport. Kif wara kollox hemm f’pajjiżi oħra.
Is-sigurtà fit-toroq m’għandhiex tkun biss għax-xufiera imma trid tkun estiża għal kulħadd inkluż għal persuni b’diżabilità partikolarment dawk neqsin mid-dawl. Nifhmu li saru sforzi f’din id-direzzjoni però nemmnu li għad jonqos ħafna x’isir.
Għalhekk, ta’ min ifaħħar l-inizjattiva li ħa l-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann fir-rigward tal-iscooters fejn issa dawn se jkollhom spazji apposta fejn ikunu jistgħu jitħallew l-iscooters wara l-użu li jsir minnhom.
L-ispazji waħedhom iżda ma jsolvux il-problemi jekk ma jkunx hemm infurzar adegwat ħalli jinqatgħu l-abbużi kollha li sa issa rajna jseħħu f’diversi lokalitajiet b’mod partikolari dawk l-aktar popolati u ffullati minħabba l-ġeneru ta’ attivitajiet li jsiru hemmhekk fosthom San Ġiljan, Tas-Sliema u l-Belt Valletta.
Għalhekk, nemmnu wkoll li l-awtoritajiet responsabbli mit-trasport f’Malta għandhom jagħmlu kull mezz biex jinċentivaw miżuri bħal dawn biex b’hekk tiżdied is-sigurtà u titħares iktar is-saħħa u l-ħajja kemm tas-sewwieqa kif ukoll tan-nies li jkunu mexjin fit-toroq.