Bejn April u Ġunju ta’ din is-sena żdiedu l-inċidenti tat-traffiku filwaqt li naqsu dawk li weġġgħu f’dawn l-istess inċidenti meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel.
Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) turi li fit-tieni kwart tas-sena seħħew erba’ fatalitajiet tat-traffiku, li kienu jinvolvu tlitt irġiel u mara.
L-istatistika turi li f’dan il-perjodu ġew irrapportati 4,264 inċident, li jfisser żieda ta’ 0.6% fuq it-tieni kwart tal-2022. L-akbar numru taʼ inċidenti seħħew fid-distrett tat-Tramuntana tal-Port bʼ1,554 każ jew 36.4 fil-mija tal-inċidenti kollha.
Il-persuni midruba f’dawn l-inċidenti naqsu bi 2.4 fil-mija sabiex naqsu għal 444. Dawk feruti gravi ammontaw għal 112, li kienu magħmula minn 64 sewwieq, 25 passiġġier u 23 persuna miexja/ċiklisti/oħrajn.
L-akbar għadd taʼ dawk li ndarbu gravi kienu rġiel (80.4%). 37.4% tal-persuni li weġġgħu f’dawn l-inċidenti kienu jinvolvu persuni li għandhom bejn is-26 u l-40 sena.