Monday, November 4, 2024

Jiżdiedu l-lobbyist tal-fjuwils fossili fis-summit dwar l-ambjent

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

In-numru ta’ delegati b’rabtiet ma’ fjuwils fossili fis-summit tan-Nazzjonijiet Uniti li qed isir bħalissa dwar it-tibdil fil-klima qabeż 25% mill-aħħar summit li kien sar fi Glasgow, l-Iskozja.

Il-grupp tal-kampanja Global Witness sab li aktar minn 600 persuna fit-taħditiet fl-Eġittu huma marbuta mal-fjuwils fossili.

Dan jammonta għal aktar mid-delegazzjonijiet miġbura flimkien mill-10 pajjiżi l-aktar huma milquta mit-tibdil fil-klima, inklużi l-Pakistan, il-Bangladesh u l-Możambik.

Madwar 35,000 persuna qed jattendu għas-summit COP27 fir-resort tal-Baħar l-Aħmar ta’ Sharm el-Sheikh, l-Eġittu.

Dawn il-konferenzi dinjin dejjem ġibdu lejhom numru sinifikanti ta’ delegti mill-industriji tal-faħam, taż-żejt u tal-gass, ilkoll b’ħerqa li jinfluwenzaw x’forma jieħu d-dibattitu.

Fis-summit tas-sena l-oħra fi Glasgow, analiżi simili tal-listi uffiċjali tal-attendenza sabet 503 delegat b’rabtiet mal-fjuwils fossili. Din is-sena dik iċ-ċifra telgħet għal 636.

Kelliema mill-Corporate Accountability, waħda minn grupp ta’ kampanji li ħarġu dik l-informazzjoni flimkien mal-Osservatorju tal-Ewropa Korporattiva qalet li s-summit tal-COP27 saret tidher qisha wirja tal-kummerċ tal-industrija tal-fjuwils fossili.

Stqarret ukoll li “l-aġenda tal-industrija tal-fjuwils fossili hija fatali. Il-motivazzjoni tagħhom hija l-profitt u r-regħba. Mhumiex serji dwar l-azzjoni klimatika. Qatt ma kienu u qatt mhu se jkunu”. 

L-akbar delegazzjoni fil-COP27 hija mill-Emirati Għarab Magħquda b’1070 persuna minn 170 biss is-sena li għaddiet. L-Emirati Għarab Maqgħuda se jospitaw il-COP28 is-sena d-dieħla. L-analiżi sabet li 70 minn dik id-delegazzjoni kienu konnessi mal-estrazzjoni tal-fjuwils fossili.

Id-delegazzjoni tar-Russja għandha 33 lobbyist għaż-żejt u l-gass fid-delegazzjoni tagħhom ta’ 150.

Ir-riċerkaturi għoddew in-numru ta’ individwi rreġistrati li jew kienu direttament affiljati ma’ kumpaniji tal-fjuwils fossili jew qed jattendu bħala membri ta’ delegazzjonijiet nazzjonali li jaġixxu f’isem l-industrija tal-fjuwils fossili. Id-dejta turi li din is-sena, hemm aktar lobbyists tal-fjuwils fossili milli hemm delegati mill-pajjiżi l-aktar milquta mit-tibdil fil-klima. 

Sport