Mill-inqas 26 persuna tilfu ħajjithom wara li serje ta’ trombi tal-arja ħakmu lil diversi bliet fin-Nofsinhar u l-Punent Nofsani tal-Istati Uniti.
Rapporti qed jgħidu li ġew irreġistrati iktar minn sittin tromba tal-arja li ħallew fatalitajiet f’diversi stati fosthom Arkansas, Tennessee, Illinois, Idiana, Alabama u Mississippi.
Waħda mill-familji li tkellmet mal-midja wara t-traġedja spjegat li hi, żewġha u wliedhom daħlu jitgeddsu flimkien mal-klieb tagħhom f’kamra żgħira waqt li waħda mit-trombi tal-arja għaddiet minn maġenbhom. Il-mara qalet li bdew isellmu lil xulxin għax ħasbu li kienu se jmutu. Minkejja li siġra li waqgħet fuq id-dar tagħhom ikkawżat xi ħsarat, huma ma sofrew l-ebda ġrieħi.
Eluf kbar ta’ nies bħalissa jinsabu mingħajr provvista tad-dawl. Il-President Joe Biden wassal il-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi u wiegħed l-għajnuna tal-istat lil dawk milqutin.
Waħda mit-trombi tal-arja li laqtet il-Mississippi vjaġġat madwar 94 Kilometru u damet madwar siegħa u 10 minuti. Skont uffiċjali din it-tromba tal-arja waħidha kkawżat ħsara fuq madwar 2,000 dar.