Sunday, December 22, 2024

Jiżdiedu r-registrazzjonijiet għar-Rolex Middle Sea Race ta’ din is-sena

Aqra wkoll

Meta fadal inqas minn xahrejn għall-bidu tat-43 edizzjoni tar-Rolex Middle Sea Race, tkompli tinbena l-lista tal-iskrizzjonijiet. Bħalissa il-lista għanda 88 jott li jirrappreżentaw 24 nazzjon. Dan in-numru hu ta’ 28 jott mill-aħħar rapport ippublikat f’Lulju u jawgura tajjeb għat-tellieqa, b’erba’ ġimgħat sakemm jagħlqu l-iskrizzjonijiet. L-Italja għandha l-akbar parteċipazzjoni sal-lum, bi 18-il dgħajsa, segwita minn Franza bi 13 u mbagħad Malta bi tmienja – u l-possibbiltà ta’ aktar dgħajjes jirreġistraw fil-jiem li ġejjin.

Il-flotta ser tikkonsisti f’numru ta’Maxi Multihulls, Maxi Monohulls, jottijiet b’ekwipaġġ sħiħ u double handers u mgħamula minn ekwipaġġi ta kull tip t’esperjenża fit-tlielaq offshore.

Id-data ta’ għeluq għad-dħul hija uffiċjalment il-Ġimgħa, 23 ta’ Settembru 2022, iżda r-Royal Malta Yacht Club (RMYC), żamm id-diskrezzjoni li jaċċetta dħul tard sal-Ġimgħa, 30 ta’ Settembru. It-tiġrija nnifisha tibda mill-Port il-Kbir, il-Belt Valletta, nhar is-Sibt, 22 ta’ Ottubru.

Fost reġistrazzjonijiet riċenti, dawk notevoli jinkludu MOD 70 Mana ta’ Riccardo Pavoncelli, li ser jkun misjuq minn Paul Larsen. Fil-flotta monohull il-jott  Bullitt ta’ 28.3 metru ta’ Andrea Recordati, ser jgħamel debutt fit-tellieqa. Dan il-jott jidher li ser jkun l-ewwel Wally Yacht li qatt ipparteċipat.

Jottijiet li ser jkunu qedin jissieltu għall-unuri fil-kategorija IRC jinkludu l-jott Malti Elusive 2, li rebaħ it-tellieqa darbtejn, il-jott Tonnerre de Glen ta’ Dominique Tian minn Franza, rebbieħ tal-klassi tieghu kemm fir-Rolex Middle Sea Race u Rolex Fastnet Races; Lisa R ta’ Giovanni di Vincenzo, mill-Italja, Teasing Machine tal-Franċiż Erik de Turckheim u it-trio Brittaniku mgħamul minn Ino XXX ta’ James Neville, Dawn Treader ta’ Ed Bell u, l-jott ta’Mark Emerson Phosphorous II.

Mill-ewwel tellieqa fl-1968, jottijiet Maltin rebħu f’disa’ okkażjonijiet, l-aħħar fl-2020 u fl-2021, meta l-aħwa Podesta kisbu rebħiet dahar ma’ dahar b’Elusive II. Il-jottijiet lokali ta’ din is-sena jidhru li huma b’saħħthom bħal qatt qabel.

Il-parteċipazzjoni tal-familja Podesta fir-Rolex Middle Sea Race kienet diġà leġġendarja, bil-mibki Arthur Podesta jikkompeti f’35 tiġrija u jgħaddi l-entużjażmu tiegħu lil uliedu, li issa kollha temmew aktar minn 20 tiġrija huma stess. Il-preparazzjoni ta’ din is-sena se tkun komprensiva daqs qatt qabel, iżda se tkun kontra sitwazzjoni domestika ta’ sfida, kif tispjega Maya Podesta: “Din is-sena ma kinitx sempliċi. Ħija Christoph, sar missier taʼ tarbija, Jamie, f’Marzu, u jien wellidt lil Amy f’Lulju. Għalhekk, filwaqt li d-dgħajsa inżammet f’potenzjal ta’ rebbieħa tat-tiġrijiet, l-attenzjoni tagħna ġiet distratta!”. Fortunatament, l-ekwipaġġ ewlieni abbord ma nbidilx ħafna mill-2016, u għalkemm hemm żewġ uċuħ ġodda din is-sena, l-aħwa Podesta wrew il-kapaċità tagħhom li jintegraw b’suċċess membri ġodda. “Membru tal-ekwipaġġ li mhux se jkun fuq id-dgħajsa din is-sena,” stqarret Podesta, “hija Amy! Hija se jkollha ħames xhur u se tkun id-dar ma’ ommi u l-bqija tal-familja, u trid tistenna sakemm tagħlaq 16-il sena qabel tkun tista’ tieħu sehem.”

Lee Satariano huwa skipper Malti ieħor rebbieħ tat-tellieqa b’rebħiet fl-2011 u fl-2014 fuq l-Artie, il-jott J/122 preċedenti tiegħu. Is-sena l-oħra, f’kumpanija mal-ko-kaptan tiegħu Christian Ripard, Satariano kien it-tieni fl-IRC 3. “Din se tkun il-15-il Rolex Middle Sea Race tiegħi u l-ekwipaġġ huwa fil-biċċa l-kbira l-istess bħas-sena l-oħra. Ftit hemm tibdil,” spjega Satariano.  “Kull sena nistenna bil-ħerqa l-preparamenti tad-dgħajsa. Il-ġbir tal-ekwipaġġ flimkien f’xi sessjonijiet ta’ taħriġ huwa dejjem parti mill-eċċitament. Nisperaw, se jkollna kundizzjonijiet simili għas-sena l-oħra

Issa fis-16-il tellieqa tiegħu, Jonathan Gambin li jtelleqa bil-jott Ton Ton Laferla u ekwipaġġ magħmul minn impjegati tan-negozju ħbieb u familja tiegħu. L-aħjar riżultat ta’ Gambin s’issa kien it-tielet post fil-klassifika ġenerali fl-2020, u l-entużjażmu tiegħu jidher li qatt ma jonqos: “Jien nieħu gost ħafna l-fatt li dik it-tellieqa hija differenti kull darba. Jien dejjem nittama li jkun hemm irjieħ eħfef għax jaqbel mal-prestazzjoni tad-dgħajsa tiegħi u tal-ekwipaġġ. Prinċipalment, iżda, nistenna biss bil-ħerqa għax hija l-ewwel ‘vaganza’ għalija wara sajf ta’ xogħol iebes!”

Maltese Falcon II għandu assoċjazzjoni twila mat-tellieqa u bħalissa l-jott jinsab fil-pussess ta’ Jonathan Camilleri Bowman. “Pparteċipajt ħames darbiet b’kollox fir-Rolex Middle Sea Race u l-aħħar erba’ darbiet mal-Maltese Falcon II,” qal Bowman. “Bħalissa l-ekwipaġġ jikkonsisti minn żewġ nisa u tmien irġiel. L-ewwel ftit snin definittivament urew li kienu esperjenza ta’ tagħlim biex jinkiseb il-bilanċ it-tajjeb ta’ ħila, attitudni, prontezza mentali u kapaċità fiżika fi ħdan l-ekwipaġġ. Hija tellieqa iebsa, fi żmien delikat tas-sena għat-temp. Dejjem qed nistinkaw biex nitjiebu, imma ninsab kuntent ħafna bil-grupp attwali.” Bowman huwa ieħor li jħobb il-perjodu ta’ preparazzjoni, it-taħriġ, l-attività madwar ir-Royal Malta Yacht Club u l-adrenalina ġenerali li jasal sal-linja tat-tluq. “Għandi nammetti li hemm drabi waqt it-tellieqa meta nistaqsi għaliex iddeċidejt li nerġa’ nieħu sehem,” jitbissem, “speċjalment ir-riħ u l-mewġ qed jiżdiedu. Madankollu, ladarba tegħleb fażi diffiċli, dejjem tistenna bil-ħerqa li tispiċċa t-tellieqa u tlesti għal dik li jmiss!”

L-2022 se tkun l-ewwel sena li Vivace ser tikkompeti b’ekwipaġġ sħiħ.  Is-sidien tal-jott, Andrew Agius Delicata u Matthew Gabriele, ħadu sehem fl-aħħar tlielaq double handed. “B’kollox ikkompetejt fi tmien Rolex Middle Sea Races bl-ewwel waħda fl-età ta’ 15-il sena,” stqarr Agius Delicata. “Erbgħa ħadt sehem bl-ekwipaġġ sħiħ u erbgħa double handed. L-iktar tellieqa li tagħtini sodisfazzjon hija dik tas-sena l-oħra, meta jien u Matthew ġejna t-tielet fil-klassi double handed u għelibna ħafna dgħajjes b’ekwipaġġ sħiħ fil-klassijiet ta’ handicap tagħna

“L-agħar esperjenza tiegħi kienet meta kelli nirtira fit-tieni tellieqa double handed. Il-maltemp estrem għamilha perikoluża wisq biex inkomplu u ddeċidejna li nkunu siguri,” tkompli Delicata. “L-ekwipaġġ ta’ din is-sena huwa magħmul minn baħrin ta’ esperjenza li huma wkoll ħbieb tat-tfulija u familja. Se nkunu sitta b’kollox. L-ekwipaġġ kollu huma individwi mill-aqwa, nies prattiċi u b’attitudni pożittiva,  b’ħafna esperjenza tal-ibburdjar. Inkunu nistgħu noqogħdu fuq xulxin tkun xi tkun is-sitwazzjoni. Dan se jagħmel il-ħajja aktar faċli f’sitwazzjonijiet iebsa.”

It-tim Otra Vez, mmexxi minn Aaron Gatt Floridia,  kiseb numru ta’ riżultati sodi fil-passat, iżda tħabtu biex isib il-forma tiegħu bl-aħħar dgħajsa tiegħu l-ICE 52. “Ħadt sehem f’sitt Tlielaq tar-Rolex Middle Sea, bl-aqwa riżultati miksub kien it-tielet post fl-2011 u l-ewwel fil-Klassi fl-2013 bil-J/122,” qal Floridia. “L-agħar riżultat huwa li ma spiċċajniex l-aħħar żewġ edizzjonijiet minħabba ħsara fit-tagħmir bl-ICE 52.”

L-ekwipaġġ fuq Otra Vez huwa taħlita ta’ ħbieb li ilhom jetllqu ma’ Floridia għal ħafna snin, u xi żidiet ġodda fosthom xi baħrin żgħażagħ Daniżi li tellqu fir-Rolex Giraglia 2022 u l-151 Miglia. Hija taħlita tajba ħafna ta’ esperjenza u żgħażagħ skont Floridia.

Jottijiet oħra Maltin li wieħed għandu joqgħod attent għalihom huma l-J/99 Calypso skippered minn Sebastian Ripard u is-Sun Odyssey 45, Janissah ta’ Mario Debono.

Ġestjoni tat-Tellieqa

Wara l-kwinti, ir-Royal Malta Yacht Club kompla bil-proċess biex isaħħaħ it-Tim tal-ġestjoni tat-tellieqa. Aktar kmieni din is-sena, f’Ġunju, veteran ta’ 25 sena fil-ġestjoni tat-tiġrijiet internazzjonali ingħaqad mat-tim, u ħa r-rwol ta’ Uffiċjal Prinċipali tat-Telliqa. L-esperjenza ta’ Stefan Kunstmann  hija mifruxa prattikament fuq id-dixxiplini kollha tal-ibburdja, l-aktar sinifikanti kien l-involviment tiegħu mar-RORC Race Team mill-2008, li wassal biex ħadem fuq  15 – 20 tiġrija offshore kull staġun. Kunstmann, mill-Ġermanja, huwa Uffiċjal tat-Tlielaq Internazzjonali rispettat. Kunstmann huwa kapaċi sew fir-Regolamenti Speċjali Offshore, partikolarment permezz tal-kontribuzzjonijiet tiegħu għall-iżvilupp tal-Appendiċi proposti WP (Racing round Waypoints) u TS (Skemi ta’ Separazzjoni tat-Traffiku). “Kelli x-xorti li nkun ir-rappreżentant tar-RORC fir-Rolex Middle Sea Race f’żewġ okkażjonijiet,” qal Kunstmann, “U ninsab ħerqan li nappoġġja lir-Royal Malta Yacht Club Race Team fit-43 edizzjoni ta’ din it-tellieqa spettakolari.”

It-43 edizzjoni tar-Rolex Middle Sea Race se tibda nhar is-Sibt, 22 ta’ Ottubru 2022. Il-Biodu tat-tellieqa tixxandar diretta fuq Facebook, YouTube, u tixxandar fuq TVM (Malta), mill-10.30 CEST.

Ekonomija

Sport