Friday, December 20, 2024

Jiżdiedu t-turisti f’pajjiżna s-sena l-oħra… iżda għadna ’l bogħod li nilħqu l-livelli tal-2019

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

It-turisti li waslu f’pajjiżna s-sena li għaddiet kienu jammontaw għal 968,136. Dan ifisser li kien hemm żieda ta’ 47 fil-mija meta kkumparat mas-sena ta’ qabel. Huwa stmat li dawn it-turisti nefqu mat-€870.7 miljun, b’żieda ta’ 91.3 fil-mija meta kkumparata mas-sena ta’ qabel. Skont din l-istatistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika rriżulta wkoll li l-medja tal-infiq ta’ kull persuna ras għal ras kienet tammonta għal madwar €899. Dan ifisser li kien hemm żieda meta kkumparat mal-medja tas-sena ta’ qabel li kienet ta’ madwar €691.

L-istatistika turi li għalkemm kien hemm żieda fit-turisti li żaru pajjiżna s-sena li għaddiet meta kkumparat mas-sena ta’ qabel, għadna pjuttost lura biex nilħqu l-ammont ta’ turisti li kellna fis-sena 2019. Dan hekk kif fl-2019 kienu reġistrati li żaru pajjiżna kważi t-tripplu ta’ dawk li żaruna fl-2021 b’total ta’ 2,753,239.

L-ivjaġġar bl-ajru jibqa’ l-aktar popolari u dan hekk kif minn fost id-968,136, kien hemm 943,947 minnhom kienu dawk li ġew bl-ajru u l-bqija daħlu pajjiżna bi trasport fuq il-baħar.

Il-faxxa ta’ età l-aktar popolari kienet dik ta’ bejn il-25 sena u l-44 sena. F’din il-faxxa ta’ etajiet xorta għad hemm diskrepanza kbira u dan hekk kif minkejja li kien hemm żieda sostanzjali ta’ 135,924 passiġġier meta kkumparat mas-sena ta’ qabel, meta kkumparat mas-sena 2019, fl-2021 daħlu pajjiżna 693,172 passiġġier inqas f’din l-istess faxxa.

Ta’ min jinnota li l-aktar faxxa ta’ turisti affettwati bejn l-2019 u l-2021 kienu dawk ’il fuq minn 45 sena.  Għalkemm l-istatistika ma tagħtix raġunijiet dwar x’wassal għal dan it-tnaqqis, l-awtoritajiet tas-saħħa dinjin kienu ċari dwar il-bżonn ta’ prekawzjoni minħabba t-tixrid tal-imxija tal-Covid-19 u r-riskju akbar ta’ firxa fost dawk ta’ età aktar avvanzata.

Mill-istatistika rriżulta wkoll li bejn l-2020 u s-sena li segwiet kien hemm żieda akbar ta’ turisti li ġew minn pajjiżi fl-Unjoni Ewropea milli dawk li ġew minn pajjiżi oħra. Infatti dawk li ġew minn pajjiżi fl-Unjoni Ewropea fl-2021 żdiedu b’236,269 persuna, filwaqt li dawk li ġew minn pajjiżi oħra minn barra l-Unjoni Ewropea fl-istess perjodu żdiedu b’73,301 persuna.

Irriżulta wkoll li l-maġġoranza assoluta ta’ dawk kollha li ġew f’pajjiżna fis-sena li għaddiet ġew għal vaganza u dawn jammontaw għal 861,268 passiġġier.

Bejn l-2020 u s-sena ta’ wara żdiedu wkoll it-turisti li żaru pajjiżna għall-ewwel darba u dan hekk kif dawk li ġew f’pajjiżna l-ewwel darba kienu jammontaw għal 465,565 turist fl-2020 u 695,562 turist fis-sena 2021.

Żdiedu wkoll dawk it-turisti li rritornaw pajjiżna għat-tieni darba jew aktar.

F’dak li jirrigwardja l-ammont ta’ ljieli li għamlu f’pajjiżna dawn it-turisti, l-akbar ammont minnhom kien minn dawk li kellhom vaganza li damet ġimgħa jew aktar.

L-akbar ammont ta’ turisti li żaru pajjiżna ġew mir-Renju Unit, segwiti minn Franza, l-Italja u l-Ġermanja.

Ekonomija

Sport