Id-difensur ta’ Manchester City, Joao Cancelo, qal li sofra qtugħ f’wiċċu wara li ttanta jwaqqaf grupp ta’ ħallelin waqt li kien f’daru mal-familja tiegħu. Il-player ta’ 28 sena anke poġġa ritratt tal-injuries li sofra fuq Instagram.
“Sfortunatament illum ġejt attakkat minn erba’ beżżiegħa li weġġgħuni u ppruvaw iweġġgħu lill-familja tiegħi,” huwa kiteb.
“Meta turi reżistenza dan hu li jiġri. Irnexxielhom jeħduli l-ġojjellerija kollha tiegħi u ħallewni b’wiċċi f’dan l-istat.”
Fi stqarrija Manchester City qalu li kienu “ixxukkjati u mwerwrin”.
Il-club qal: “Joao u l-familja tiegħu qed jiġu ssapportjati mill-club u huwa qed jgħin lill-pulizija fl-istħarriġ tagħhom ta’ dan l-inċident serju ħafna.”