Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Sa minn meta kont tifel, dejjem kont niġri ma’ missieri li kien midħla ta’ Santa Venera Lightnings FC. Kien ukoll viċi-president fil-kumitat, allura kont immur narahom jilagħbu, sirt naf lill-membri tal-kumitat u l-plejers. Niftakar kienu tawni l-ewwel ballun tal-ġilda u kif jgħidu bl-Ingliż, ‘I was hooked!’ Jien bdejt nilgħab il-futbol ta’ 14-il sena mal-minors ta’ Santa Venera Lightnings. Ta’ 16-il sena dħalt nilgħab l-ewwel darba mat-tim tal-kbar. Fil-karriera tiegħi kelli għaxar esperjenzi ma’ klabbs oħra. Waqaft fl-etá ta’ 40 sena bħala player-coach ma’ Balzan FC, u kif għidt qabel, għamilt ir-ritorn tiegħi ma’ raħal twelidi, Santa Venera Lightnings.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Santa Venera Lightning’s FC.
Mela, dan l-istaġun jiena bdejtu bħala kowċ ma’ Mqabba FC. Peró, f’Novembru li għadda spiċċajt minn hemm u ngħaqadt ma’ Santa Venera Lightnings bħala team manager. Peressli jien qatt ma waqaft nittrenja ġietni x-xewqa li nagħmel xi ħaġa li hawn Malta ħadd ma kien għadu għamilha, nidħol nilgħab ta’ 65 sena u rnexxieli!
Kif ħassejtek li riċentement dħalt fl-azzjoni ta’ 65 sena, proprju fil-partita kontra St George’s FC?
Ħassejtni kburi bija nnifsi li nagħmel xi ħaġa li mhux kulħadd jirnexxielu jagħmilha, ovvja x’ħin dħalt fil-logħba konna diġá 3-0 minn taħt. Ma dħaltx biex inġib id-draw! Konna qed nilagħbu kontra St George’s FC li kienu qed jisfidaw għar-rebħ tal-kampjonat. Kienet esperjenza li mhu ħa ninsa qatt!
X’tikkummenta fuq l-aħħar staġun għal Santa Venera Lightnings FC?
Għal Santa Venera Lightnings, l-aħħar staġun kien wieħed iebes ħafna peressli xolja l- kumitat u bis-saħħa ta’ Joe Carbonaro u Raymond Romano eċċ, għaqdu kumitat ta’ malajr u b’hekk l-istaġun għat-tim tal-kbar kien wieħed diffiċli mill-bidu sal-aħħar.
Kif tqis il-livell tal futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?
Il-livell tal-futbol Malti hu dak li hu. Aħna pajjiż żgħir ħafna u qatt ma nistgħu nilħqu l-livell ta’ timijiet kbar, peró, kontra timijiet tamparna kapaċi nagħtu logħba lil kulħadd. Fil-jiem li għaddew, veru ħadt pjaċir nara t-tim nazzjonali Malti jilgħab kontra l-Finlandja, fejn għalkemm tlifna lgħabna logħba pożittiva ħafna, futbol sabiħ.
Il-futbol Malti tul is-snin inbidel ħafna. Hawn ħafna aktar riżorsi u aktar kowċis imħarrġa kif suppost. Dan għalkemm naħseb li fi żmieni kien hawn aktar plejers individwali ta’ klassi.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Fid-diviżjoni tagħna, li hi n-National Amateur League 2, ġeneralment nilagħbu s-Sirens Stadium, is-Centenary Stadium, il-Mosta Stadium u l-Luxol Stadium.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Ovvjament, il-futbol jibqa’ f’qalbi, allura jien dejjem infittex li ngħallem dak kollu li naf lill-plejers tat-tim li nkun nimmilita miegħu.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Il-messaġġ tiegħi hu dan: “Rispett, Dixxiplina u ħu l affarijiet bis-serjetá”. Illum l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ huma enormi. Għandek dejjem taqbad it-triq it-tajba u tisma’ minn dawk li jippruvaw jgħallmuk!