Avignon, Franza – 8 ta’ Marzu 2026 – Joe Bajada, is-Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu, ingħata l-prestiġjuż UEC Merit Award mill-Union Européenne de Cyclisme (UEC) bħala rikonoxximent għall-impenn u s-servizz twil tiegħu lejn iċ-ċikliżmu f’Malta u fl-Ewropa.
Dan il-premju ngħata fi tmiem it-38 Kungress tal-UEC, li sar il-Ħadd li għadda f’Avignon, Franza. Il-preżentazzjoni saret fis-Sala tal-Konklavi tal-Palazz tal-Papiet, f’ambjent uniku mimli storja u sinifikat spiritwali, fil-preżenza tad-delegati minn 46 nazzjon. Il-premju ġie ppreżentat personalment mill-President tal-UEC, Enrico Della Casa, fil-preżenza wkoll ta’ David Lappartient, il-President tal-Union Cycliste Internationale (UCI).
Joe Bajada ġie onorat b’dan il-premju bħala rikonoxximent għad-dedikazzjoni tiegħu tul is-snin lejn l-iżvilupp taċ-ċikliżmu u għall-fatt li, għall-ewwel darba fl-istorja taċ-ċikliżmu f’Malta, serva f’diversi karigi kemm fl-UCI kif ukoll fl-UEC. Flimkien ma’ Bajada, l-UEC tat ukoll il-Merit Award lil Catherine Gastou (Franza) u Jolanda Polkamp (Olanda), filwaqt li Agata Lang Lelangue (Polonja) u Henrik Jess Jenson (Danimarka) ingħataw il-UEC Gold Licence.
Meta tkellem dwar dan l-unur, Joe Bajada qal li kien mument tassew speċjali u memorabbli għalih. “Li nirċievi dan l-unur f’post storiku bħal dan kienet esperjenza sabiħa ħafna fejn il-fidi, is-servizz u l-isport jingħaqdu flimkien. Naċċetta dan il-premju b’umiltà kbira, speċjalment meta nqis il-ħidma volontarja u s-sagrifiċċji li jsiru fis-servizz tas-settur taċ-ċikliżmu,” qal Bajada.
Huwa rringrazzja wkoll lill-kollegi tiegħu fil-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu għall-appoġġ tagħhom, filwaqt li feraħ lill-UEC u lill-Federazzjoni Franċiża taċ-Ċikliżmu għall-organizzazzjoni professjonali u eżemplari ta’ dan il-Kungress f’Avignon.
Bajada żied li, bħala Kavallier tal-Ordni Ekwestri tas-Sepulkru Mqaddes ta’ Ġerusalemm, li jiġi onorat f’post b’storja Nisranija daqshekk profonda bħall-Palazz tal-Papiet għandu tifsira speċjali għalih. Huwa qal li dan ir-rikonoxximent jirrifletti aktar minn 50 sena ta’ servizz volontarju, impenn u sagrifiċċju personali fil-qasam tal-isport, kemm bħala referee tal-futbol, ġurnalist u amministratur sportiv.
Fl-aħħar nett, huwa ddedika dan il-premju lill-familja tiegħu għall-appoġġ kontinwu tagħhom tul dawn is-snin kollha, b’mod partikolari lil martu Salvina, lil uliedhom Vivienne u Lourdes, lir-raġel tagħhom Charlton u Paul, kif ukoll lit-tliet neputijiet tiegħu Destinie, Ylenia u Yana.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-UEC, Enrico Della Casa, qal li huwa unur għalih li jippreżenta dan il-premju lil Joe Bajada.
“F’Joe Bajada naraw impenn qawwi u dedikazzjoni kbira favur iċ-ċikliżmu f’Malta u fl-Ewropa. Permezz tal-ħidma tiegħu fi ħdan l-UEC u l-UCI, huwa eżempju għalina lkoll,” qal Della Casa.
Huwa rringrazzja wkoll lil Bajada għall-kontribut tiegħu lejn l-iżvilupp taċ-ċikliżmu u esprima l-apprezzament tiegħu lill-familja tiegħu għall-appoġġ li tawh tul is-snin kollha li ddedika għall-isport.

