Tuesday, March 11, 2025

Joe Bajada reġa’ ġie elett f’pożizzjoni importanti fl-Unjoni Ewropea taċ-Ċikliżmu (UCI)

Aqra wkoll

Joe Bajada, Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu ġie elett mill-ġdid għat-tielet mandat ta’ erba’ snin konsekuttivi bħala delegat tal-Votazzjoni tal-UCI b’37 vot. Dan ġara l-Ħadd li għadda, 9 ta’ Marzu 2025, waqt is-37 Kungress Elettiv tal-UEC 2025 tal-Unjoni Ewropea taċ-Ċikliżmu fi Bratislava, is-Slovakkja.

F’din il-kariga vitali fi ħdan din l-Unjoni Ewropea taċ-Ċikliżmu, matul l-erba’ snin li ġejjin, huwa se jifforma parti minn 15-il delegat li se jkollhom id-dritt tal-vot f’isem it-52 pajjiż affiljat Ewropew, waqt il-Kungressi Ġenerali Annwali tal-Federazzjoni Internazzjonali taċ-Ċikliżmu. Ma’ dawn il-15-il delegat Ewropew, se jingħaqdu magħhom 30 delegat ieħor mill-erba’ konfederazzjonijiet l-oħra, li huma ACC (Asja), COPACI (Pan America), CAC (Afrika), u l-OCC (Oċeanja).

Fl-elezzjoni ta’ din is-sena, ġew nominati 29 delegat minn Federazzjonijiet u Assoċjazzjonijiet differenti fi ħdan l-UEC, fejn 15 ġew eletti bħala Delegati tal-Votazzjoni u 8 oħra bħala Delegati sostituti. Minħabba l-istatut tal-UEC, ġew eletti l-ewwel erba’ nisa u rġiel u Joe Bajada kien wieħed minnhom. Is-seba’ kandidati l-oħra bl-aktar voti ingħaqdu magħhom. Maħtura ma’ Joe Bajada kienu: Gilles Da Costa (Franza), Alejandro Martin Garcia (Spanja), Camille Dahm (Lussemburgu), Livia Hanesova (Slovakkja), Jaroslava Krakovcova (Repubblika Ċeka), Umberto Langellotti (Monaco), Krzysztof Golwei (Polonja), Toni Zoric (Bosnja u Ħerzegovina), Marino (Bosnja u Ħerzegovina), Alfredo Tajrahi (Albanija), Vanja Banovic (Montenegro), José Luis Ribeiro (Portugall), Kjersti Storset (Norveġja), u Martin Wolf (Ġermanja).

F’dan il-Kungress tal-Union Européenne de Cyclisme, bil-parteċipazzjoni ta’ delegati uffiċjali minn 49 mill-51 federazzjoni membru, ikkonferma b’akklamazzjoni lit-Taljan Enrico Della Casa bħala President għall-perjodu ta’ erba’ snin oħra 2025-2029. Imbagħad, il-membri fil-Bord ta’ Tmexxija tal-UEC ġew eletti wkoll bħala Viċi Presidenti: Katarina Jakubová (Slovakkja), Raivo Rand (Estonja), u Georgios Georgiou (Ċipru), Bernd Dankowski (Ġermanja) bħala Teżorier, u Dafna Lang (Iżrael) u Sabrina Tsakona Twiss (Greċja) bħala Membri.

Ikkonferma wkoll Alasdair MacLennan (Gran Brittanja) bħala s-Segretarju Ġenerali tal-UEC.

Elezzjoni oħra kienet għall-Kumitat tat-Tmexxija Ewropeja tal-UCI fejn ġew eletti: Rocco Cattaneo (l-Iżvizzera), Agata Lang (Polonja), Tom Van Damme (Belġju), Michel Callot (Franza), Serena Danesi (Italja), José Vicioso Soto (Spanja), Katerina Nash (Repubblika Ċeka), Henrik Jess Jensen (Danimarka), Emin Muftuoglu (Turkija) u Pavel Mardonovic (Slovenja).

Kuntent ħafna b’dan ir-riżultat, Joe Bajada rringrazzja lil dawk is-37 pajjiż Ewropew kollha li għal darb’oħra wrew fiduċja sħiħa fih bil-vot tagħhom biex issa flimkien mal-14-il delegat l-oħra se jirrappreżentawhom waqt il-Kungress li jmiss tal-UCI, skedat għall-25 ta’ Settembru 2025 waqt il-Kampjonati tad-Dinja tal-UCI Road f’Kigali (Rwanda).

Wara dan ir-riżultat Joe Bajada qal, ‘Irrid nesprimi l-gratitudni tiegħi lil kull min appoġġja l-kandidatura tiegħi bil-voti tagħhom u lill-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu għall-isforzi kontinwi tagħha biex tippromwovi u tiżviluppa ċ-ċikliżmu f’Malta u lil hinn.  Grazzi lill-kollegi tiegħi John Zammit u Daniel Borg Olivier tal-appoġġ u l-fiduċja tagħkom. Is-sodisfazzjon personali tiegħi huwa l-elezzjoni mill-ġdid tiegħi, li hija xhieda tal-fiduċja li d-delegati reġgħu wrew fija. Grazzi lill-Federazzjonijiet Nazzjonali kollha talli reġgħu appoġġjawni għal din il-pożizzjoni. Onestament huwa unur immens għalija. Dan jimmarka pass sinifikanti u se nkun qed inħares aktar ‘il quddiem għal aktar sfidi u naħdem għall-ġid tal-isport tagħna.’ Żied jgħid li dan ir-riżultat jirrifletti fuq kollox l-ħidma sfiqa tiegħu, li kienet innutata u kompliet tiġi apprezzata anke fix-xena internazzjonali.

Dan is-suċċess kollu ddedikah lill-familja kollha tiegħu għall-appoġġ kontinwu li dejjem jagħtuh. Xtaq jirringrazzja lill-President John Zammit u lill-kollegi tiegħu u lill-membri tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu, lill-Uffiċjali tal-UEC, partikolarment lill-President Enrico Della Casa, u lill-Federazzjonijiet Internazzjonali li bagħtulu l-awguri wara dan ir-riżultat. Huwa feraħ lil Enrico Della Casa għall-konferma mill-ġdid bħala President tal-Union Européenne de Cyclisme u l-Bordijiet ta’ Tmexxija tiegħu. Prosit marret ukoll lill-kollegi tiegħu delegati tal-Votazzjoni tal-UCI, kif ukoll għall-Kungress organizzat tajjeb mill-Federazzjoni Slovakka taċ-Ċikliżmu taħt il-presidenza ta’ Peter Privara u l-Unjoni Ewropea taċ-Ċikliżmu. Fi tmiem il-kummenti tiegħu dwar dan ir-riżultat prestiġjuż, Joe Bajada qal li dan huwa sodisfazzjon personali u suċċess għall-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu, Malta u Għawdex.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport