Il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, ħabbar pakkett ta’ $2.3 biljun se jkunu qed jintużaw biex tinbena infrastruttura li tkun tista’ tilqa’ għal temp estrem u diżastri naturali. Iżda Biden baqa’ lura milli formalment jiddikjara emerġenza tal-klima, dikjarazzjoni li kienu għamilha kienet tagħtih iktar saħħa eżekuttiva.
Biden ħabbar dan il-pakkett ġewwa Massachusetts fi żmien meta kemm l-Amerika ta’ Fuq u anke l-Ewropa qegħdin jiffaċċjaw sħana infernali. Matul din il-ġimgħa għexieren ta’ miljuni ta’ ċittadini kemm fl-Istati Uniti u anke fl-Ewropa qegħdin jiġu mwissija dwar is-sħana kbira li qiegħda taħkem.
Fid-diskors tiegħu, il-President Amerikan qal li, “it-tibdil fil-klima huwa litteralment theddida għall-eżistenza tan-nazzjon u tad-dinja.” Huwa tenna li l-ħajjiet taċ-ċittadini u l-komunitajiet jinsabu f’riskju u għalhekk trid tittieħed azzjoni. Il-flus li se jingħataw huma ġejjin mill-budget tal-Federal Emergency Management Agency u se jkunu qed jagħtu prijorità lil dawk il-komunitajiet l-iktar vulnerabbli. Minn dan il-pakkett, $385 miljun se jkunu qegħdin jingħataw lill-istati biex jassistu lir-residenti ħalli jkunu jistgħu jixtru sistemi ta’ arja kundizzjonata kif ukoll jiġu mibnija cooling centers.